Lokali

Imfakkar Jum l-Omm

Ma. Mama. Mummy. L-omm.  

It-tieni Ħadd ta’ Mejju huwa jum li fih f’pajjiżna niftakru fl-ommijiet tagħna b’rigali tradizzjonali bħal fjuri, u ċikkulatini, jew forsi rigali iktar kontemporanji bħal xi mobile jew tablet, jew xi safra.

Jum li matulu l-ommijiet forsi jkollhom ġurnata naqra iktar rilassata mill-oħrajn

Imma x’inhi Omm?

Omm hi dik il-persuna li tieħu ħsieb, tindokra, kreatura oħra

Tista tkun omm li għal 9 xhur ġarret f’ġufha u welldet tarbija mixtieqa u mistennija.Tista tkun dik ix-xbejba li ma kelliex pjanijiet li trabbi… imma dawk iż-żewġ linji blu fuq l-istikka li għall ewwel ħasduha bidlulha ħajjitha b’mod mill-isbaħ li qatt ma kienet tistenna.

Tista tkun dik il-mara li wara ħafna snin ta’ tbatija u meta kienet għodda qatgħet qalba fl-aħħar ħaddnet tarbija tant maħbuba fi ħdanha.Tista tkun dik li wara disa’ xhur rat ħarsa ta’ nkwiet fuq uċuh it-tobba mal-wasla ta’ tarbija li ħajjitha mhux se tkun faċli f’din id-dinjau tista tkun dik li wara tant stennija id-dinja tagħha swiedet b’telfa li ħadd qatt ma jista’ jsabbarha dwarha

L-omm mhijiex biss dik li kollox marilha sew f’ħajjitha, imma hija dik il-persuna li b’xi mod ħabbet u ħadet ħsieb mhux biss l-ulied imma iktar minn hekk.

Hija dik il-mara li ħadet ħsieb ġara ma tiflaħx li daret bil-ġenituri tagħha stess meta li r-rwoli nqalbu u kellha ddur hi b’dawk li tawha l-ħajja, hi dik il-mara li qatt ma welldet imma li rabbiet xorta, hi dik il-mara li mhux omm imma hija zija, hi dik li rabbiet ulied ħaddieħor daqs li kieku tagħha jew dik li ddur b’anzjani u tħobb u tgħożżhom bħal ma omm tgħożż tarbija ġdida.

Għax l-omm mhux bilfors hi dik li welldet….  imma hi dik li tgħożż il-ħajja.. tindokraha u tħobbha.