“Aħna rajna avviż fl-Indja dwar opportunitajiet tajba ta’ xogħol f’Malta u staqsejna lill-aġenzija konċernata għal aktar dettalji. Qalulna li f’Malta ningħataw xogħol tajjeb, b’paga tajba u b’kundizzjonijiet tax-xogħol tajba wkoll.’’
“Fl-Indja s-sitwazzjoni hi waħda diffiċli ħafna u għalhekk, avviż bħal dan, bla ma trid, iħajrek ħafna li tagħmel deċiżjoni iebsa, titlaq lill-familja, u tiġi Malta biex taħdem u hekk taqla’ l-flus biex tkun tista’ tagħmel ħajja deċenti.’’
“Qalulna li kellna bżonn inħallsu €7,500 fi flus kontanti biex ningħataw il-biljett tal-ajru lejn Malta, il-visa, il-kuntratt tax-xogħol ma’ aġenzija f’Malta u… fi ftit kliem… ningħataw dak kollu li kellna bżonn biex nibdew ħajja ġdida.’’
“Aħna hekk għamilna… B’diffikultajiet kbar ġbarna l-flus mitluba u ġejna Malta, u fi ftit sigħat indunajna li konna blajna waħda kbira għaliex minn dak kollu mwiegħed lilna ma sibna xejn… għajr lil min irid jisfruttana fil-post tax-xogħol, u flok ġimgħa xogħol ta’ 40 siegħa, nitħaddmu biss għaxar sigħat fix-xahar… u l-paga mogħtija lilna hi waħda ta’ ftit ewro fis-siegħa.’’
“Ninsabu maqbudin anki fil-konfront tal-awtoritajiet Maltin li jridu mingħandna ċerti dokumenti, inkella jkeċċuna minn Malta. Iriduna nuruhom fejn qed naħdmu, iżda min iħaddimna mhux lest li jagħtina dokument f’dan is-sens. Ninsabu tassew daharna mal-ħajt… misruqin u migduma… u mnalla qed ikunu sħabna li qed jgħinuna għax inkella la jkollna flus u anqas fejn nistgħu noqogħdu.”
Din hi storja xokkanti ta’ grupp ta’ Indjani u Pakistani li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ il-mument u żvelaw dan iċ-ċirku organizzat bejn persuni Indjani u oħrajn Maltin li daħħluhom f’din l-ixkora u li lill-oħrajn bħalhom qed jagħmlulhom l-istess. Iwegħduhom ċerti affarijiet iżda mbagħad ladarba jiġu Malta, jirrealizzaw li minn dak kollu mwiegħed lilhom mhemm assolutament xejn.
Dawn l-Indjani u l-Pakistani – ilkoll żgħażagħ – qalulna bid-dmugħ f’għajnejhom li l-agħar ta’ dan kollu hu li mhux biss ma sabux ħajt tal-kenn mill-awtoritajiet Maltin, u flok isibu lil min jifhimhom u jagħdirhom, qed isibu lil min bħal donnu għandu xi intenzjoni li jipproteġi lil min jinsab fi ċrieki ta’ kriminalità ta’ traffikar ta’ persuni.
Huma qalulna li r-rappreżentanti tal-aġenzija f’Malta li magħhom suppost jaħdmu, jittrattawhom ħażin ħafna, bi kliem kollu herra u ta’ theddid. “Iżda issa ma nifilħux aktar u għandna bżonn l-għajnuna. U jeħtieġ li l-Pulizija Maltija u l-Aġenzija Identity Malta jkunu umani u mhux ikomplu jagħsruna u jipproteġu lil min għandu l-flus.’’
“Aħna konvinti li l-Pulizija Maltija u l-Aġenzija Identity Malta taf id-dettalji kollha ta’ min hemm moħbi – Maltin u Indjani – wara dan it-traffikar ta’ persuni Indjani u Pakistani lejn Malta. Ma nafux għaliex dawn l-awtoritajiet ma jiħdux passi fil-konfront ta’ dawn il-kriminali li jagħmlu li jridu, jittrattawna ħażin ħafna u bilkemm ma jippruvawx isawtuna wkoll jekk nazzardaw niftħu ħalqna biex nistaqsu dwar id-drittjiet tagħna.”
Dawk li tkellmu ma’ il-mument komplew isostnu li huma mdejqa ħafna f’Malta għaliex ġew ingannati. Huma kellhom aspirazzjonijiet kbar li se jiġu hawnhekk, jaqilgħu l-flus u jibdew jgħixu ħajja deċenti kemm huma kif ukoll il-familjari tagħhom f’pajjiżhom fejn hemm ħafna faqar. “Iżda minn dan kollu ma sibna assolutament xejn. Daħku bina. Faqqruna aktar milli konna fqar. Ġabuna daharna mal-ħajt. Issa biex tgħaxxaqha kollox jindikalna wkoll li l-Pulizija Maltija u xi membri tal-Aġenzija Identity Malta jafu min qed jistagħna minn fuqna, iżda qed jagħtuhom il-protezzjoni.”
//= $special ?>