Lokali

“Joseph Muscat ma jistax jitwemmen” – Il-Partit Nazzjonalista

Filwaqt li Joseph Muscat u sħabu stqarru appoġġ sħiħ lill-manifest tas-Soċjalista Ewropej, minkejja li dan jinkludi proposti ċari favur l-abort u kontra Malta, u minkejja li ħafna qed jistaqsu x’inhi l-vera pożizzjoni ta’ Joseph Muscat dwar l-abort f’pajjżna, fid-diskors tiegħu fil-Mosta il-Prim Ministru tkellem dwar kollox minbarra l-abort.

Attent li ma jlissinx kelma dwar dan, hu tkellem dwar diversi temi fosthom il-proposta ta’ Park Nazzjonali riċiklat f’Ta Qali. li issa jidher ukoll li xejjen għal kollox it-tamiet tad-dilettanti tal-motorsports li tista’ qatt issir korsa jew trakka tal-karozzi f’din iz-zona.

Wegħda oħra li kien għamel fl-2017, wara li kien wegħda wkoll fl-2013.

Intant, għal darboħra, Muscat reġa wiegħed il-housing soċjali. Din il-wegħda li issa ilna sitt snin nisimgħu, iżda s’issa wegħdi biss għadhom tant li Gvern Soċjalista ma fetaħx appartament soċjali wieħed.

Intant, fi stqarrija li għamel, il-Partit Nazzjonalista qal li meta tasal elezzjoni Joseph Muscat jagħmel bosta wegħdi li ma jistgħux jitwemmnu għax jagħmilhom għall-konvenjenza.

L-istqarrija tkompli tgħid li Joseph Muscat ma jistax jitwemmen fuq l-ambjent għaliex ilu joħroġ b’wegħdi għall-konvenjenza bħalma tlett snin ilu meta wiegħed l-akbar park nazzjonali fiż-Żonqor u camping site f’Kemmuna u sal-lum għadu m’għamel xejn. Mhux biss iżda siti ambjentali li kienu saru fi żmien Gvernijiet Nazzjonalista tħallew għal riħhom.

L-istqarrija ttemm tgħid kif Joseph Muscat ma jitwemminx fil-housing għax sal-lum, wara sitt snin, għadu ma wettaq l-ebda proġett tal-housing.

Tant hu hekk li f’sitt snin, il-lista ta’ stennija telgħet bi 800 biex issa tgħodd b’aktar minn 3,200 persuna li issa qegħdin jistennew sabiex ikollhom saqaf fuq rashom.

Il-Partit Nazzjonalista għall-kuntrarju jiddikjara li ż-żgħażagħ u l-familji Maltin għandhom dritt li jkollhom akkomodazzjoni diċenti u affordabbli.