Lokali

Konrad Mizzi jkompli jkisser l-Air Malta – manuvri biex tinbiegħ it-Taqsima tal-Inġinerija

Minn wara dahar il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, għaddejjin negozjati mit-tmexxija tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta biex it-Taqsima tal-Inġinerija tinbiegħ għas-somma ta’ €30 miljun u tħalli lill-Air Malta dipendenti għall-aħħar fuq min se jieħu f’idejh din it-taqsima.

Din il-manuvra qed tiġi mfissra mill-esperti bhala waħda ddisprata. Dan għaliex biex idaħħal €30 miljun ta’ darba, il-Ministru Konrad Mizzi, se jneżża lill-Air Malta minn arterja prinċipali tal-kumpanija li mingħajrha se tieħu daqqa ta’ ħarta kbira l-operazzjoni fuq bażi ta’ kuljum.

Fost il-problemi li se tkun qed titwikka bihom l-Air Malta, fuq quddiem se jkun hemm dewmien esaġerat fit-tiswijiet urġenti li tul il-45 sena b’Taqsima tal-Inġinerija mill-aktar effiċjenti dejjem kienet f’pożizzjoni li ssolvi l-problemi akuti li sabet ma’ wiċċha l-kumpanija.

Mhux biss, iżda tali sitwazzjoni tista’ twassal ukoll biex darba tinbiegħ it-Taqsima tal-Inġnerija li tieħu ħsieb l-ajruplani kollha tal-Air Malta f’termini tekniċi u li jkunu mija fil-mija tajba biex itiru, l-Air Malta se tkun qed titlef l-esperjenza u l-kapaċita tal-ħaddiema f’dan is-settur li s’issa kienu vitali għall-operazzjoni kollha tal-Air Malta u mhux biss fl-aspett ta’ manutenzjoni tal-ajruplani.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru kif meta dipartimenti oħra fl-Air Malta jiġu bżonn il-pariri tekniċi tal-inġiniera, dawn sal-lum sabuhom mill-ewwel. Dan jgħodd għal ħafna aspetti differenti, mill-marketing, għaliex jirrikjedi li qabel issir kampanja jkun aċċertat li l-kumpanija tista’ twettaq teknikament dak li twiegħed, sa ppjanar ta’ rotot ġodda. Sal-lum dejjem intalab il-pariri tal-inġiniera iżda malli dawn jinbiegħu għal ‘tletin biċċa’ f’miljuni, l-Air Malta se jkollha tibda tfittex dawn il-pariri bi ħlas apparti, u spiża ġdida għall-kumpanija li żgur ma tiflaħx iżżid l-ispejjeż.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument b’mod kunfidenzjali qalu li diġà fix-xhur li għaddew l-Air Malta biegħet is-slots tagħha fl-ajruporti ta’ Londra biex daħħlet għadd ta’ miljuni ta’ ewro minnhom li marru direttament fil-kotba tal-Air Malta biex dawn l-istess kotba wrew profitti.

Dan kollu hu għalkollox falz għaliex il-profitti l-kumpanija għandha tagħmilhom grazzi għax-xogħol li tagħmel u mhux billi tbigħ assi prezzjużi bħas-slots tagħha fl-ajruporti ta’ Londra u issa li qed tagħmel dan it-tentattiv biex tbigħ it-Taqsima tal-Inġiniera.

Bħalma kienet fażulla l-manuvra li żżomm il-ħlasijiet ta’ €15-il miljun lill-Enemalta biex jidher li hemm profitt, iżda li l-istess profitt għosfor ġimgħa wara meta kellu jitħallas dak il-kont. 

Minn investigazzjonijiet li għamel il-mument jirriżulta li  b’kollox f’din it-Taqsima hemm ċirka 120 ħaddiem bejn inġiniera, tekniċi u nies anċillari oħrajn.

Ix-xogħol ta’ din it-Taqsima hu li jagħmlu l-manutenzjoni kontinwa u ta’ kuljum fuq l-ajruplani tal-kumpanija kif ukoll li joffru servizz ta’ first aid għal ajruplani li jkunu ġew f’pajjiżna u ltaqgħu ma xi problemi tekniċi (line maintenance).

Fi ftit kliem, ir-rwol ta’ din it-Taqsima hu wieħed kruċjali fl-operat tal-kumpanija għaliex hu biss grazzi għax-xogħol tagħha li l-Air Malta tista’ ta’ kuljum tħaddem għadd ta’ titjiriet grazzi għad-day to day maintenance, l-iċċekkjar tal-ajruplani kuljum u anki s-service li l-istess ajruplani jingħataw kuljum.

Jiġifieri jekk il-Ministru Konrad Mizzi se jibqa’ għaddej bil-pjanijiet tiegħu li jbigħ it-Taqsima tal-Inġinerija, allura l-Air Malta se tispiċċa tiddependi għalkollox fuq terza kumpanija biex tkun tista’ ttajjar l-ajruplani tagħha.

Tant ried li tgħaddi tiegħu f’din il-kwistjoni li daħħal żewġ diretturi ġodda fil-bord tal-Air Malta bi spiża żejda fuq il-kumpanija.

Barra minn hekk, min se jkun qed joffri dan is-servizz lill-Air Malta se jkun qed jitħallas flejjes kbar ħafna. Jiġifieri jekk l-Air Malta se tkun qed iddaħħal €30 miljun għal dan il-bejgħ ta’ din it-Taqsima, eventwalment dawn l-istess flus fuq bażi ta’ ftit xhur biss se jkunu qed jinħarġu lura lil min ikun xtara lil din it-Taqsima.

Skont l-esperti, li b’kunfidenzjalità tkellmu magħna, dan kollu ma jagħmilx sens u jfisser biss ippjanar ħażin għaliex ma jagħmilx sens li kumpanija tbigħ xi ħaġa kruċjali bħal din biex imbagħad tonfoq ħafna aktar flus fuq medda ta’ snin f’kirijiet għall-istess servizzi li fil-preżent tagħmilhom hi stess.

Dawk li tkellmu magħna fissrulna li sena u nofs ilu kien iffirmat ftehim kollettiv li jkopri lill-inġiniera f’din it-Taqsima partikulari. U issa għaddejjin dawn il-manuvri minn wara dahar kulħadd u konferma ta’ dan kienu żjarat fit-Taqsima minn rappreżentanti tal-kumpanija SRT li ġew Malta apposta.

Hu wkoll sigriet magħruf li hemm interessati ħafna li jiksbu s-servizzi ta’ din it-Taqsima l-kumpanija Lufthansa Technik u kumpanija bl-isem ta’ Barts.

Skont dawk li tkellmu magħna diġà ċertu xogħol li kien isir minn din it-Taqsima qed ikun out sourced, bħal fil-każ tax-xogħol li kien isir mill-NDT fejn kien hemm persuni li llum irtiraw mix-xogħol iżda l-kumpanija ma ħasbitx biex dawn jagħtu hand over lil terzi ħaddiema biex dan ix-xogħol importanti jibqa’ għaddej internament. Minflok dan ix-xogħol qed jingħata lil kumpanija oħra barra mill-Air Malta u l-ħlasijiet għal tali servizzi jammontaw l-eluf ta’ ewro.

Fl-aħħar xhur ukoll ċertu xogħol li kien isir minn ħaddiema tekniċi li kienu jispezzjonaw l-ajruplani tal-kumpanija li qed itiru, ma baqax isir minnhom u qed isir minn dispatchers li bdew jiffurmaw Taqsima ġdida.

Dan wara 45 sena li dan ix-xogħol kien isir mit-tekniċi fit-Taqsima tal-Inġiniera li kienu jaraw li kollox hu perfett f’termini ta’ magna, bibien, panels u taraġ, biex hekk l-ajruplan ikollu titjira sigura u mingħajr xkiel.

Jiġifieri l-attentati tat-tmexxija l-ġdida tal-Air Malta li żżarma ftit ftit din it-Taqsima ilhom fis-seħħ għal numru ta’ xhur u li dan kollu bil-barka tal-Ministru Konrad Mizzi.