Lokali

Kull vot għall-kandidati tal-Partit Soċjalista Malti huwa vot għas-Soċjalisti Ewropej li bil-manifest tagħhom iridu jimponulna l-abort

Fl-Ewropa se nkunu aħna tal-PN li se niddefendu d-dritt tal-ħajja kontra min irid jimponi fuqna l-abort u kontra min irid taxxa komuni li teqred l-impjiegi u l-investiment

“Is-Soċjalisti Ewropej fil-manifest elettorali tagħhom iridu li jimponu l-abort u kull vot għall-kandidati tal-Partit Soċjalista Malti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew huwa vot eqreb biex l-abort jidħol f’pajjiżna. Fl-Ewropa se nkunu aħna tal-PN li se niddefendu d-dritt tal-ħajja kontra min irid jimponi fuqna l-abort u kontra min irid taxxa komuni li teqred l-impjiegi u l-investiment.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attivita politika fil-Mellieħa bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, Adrian Delia rringrazzja lill-ommijiet kollha għal dak kollu li jagħmlu ma’ uliedhom.

Huwa qal li l-MEPs Soċjalisti, li fl-aħħar sentejn ivvutaw 16-il darba favur l-abort, ddikjaraw li jekk jiġu eletti se jivvotaw biex Frans Timmermans isir il-President il-ġdid tal-Kummisjoni Ewropea, li qed iwiegħed li jdaħħal l-abort u li jrid ukoll taxxa komuni madwar l-Ewropa li tgerrex l-investiment minn Malta u ttellifna eluf ta impiegi.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista għandu fiċ-ċentru tal-politika tiegħu lil bniedem u l-ħajja, mill-konċepiment sat-tmien naturali u vot għall-PN fl-elezzjonijiet Ewropej huwa vot favur il-ħajja. Il-PN se jibqa’ jiddefendi l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf u l-protezzjoni tal-ħajja f’kull stadju, meta s-Soċjalisti Ewropej fil-manifest elettorali tagħhom qed jimbuttaw ‘il quddiem l-abort u jridu jimponuh fuq il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jaċċetta li f’pajjiżna jidħol l-abort għaliex m’hemm xejn iżjed b’saħħtu mid-dritt tal-ħajja. Dan meta 97% tal-Maltin u l-Għawdxin huma kontra l-abort kif irriżulta minn stħarriġ li kien sar mill-Malta Today. Huwa qal li għall-Partit Nazzjonalista l-ħajja tibda mill-konċepiment mhux bħall-Partit Soċjalista li jħares lejn it-tarbija fil-ġuf bħala tmien ċelloli, u fil-Parlament wera li mhux lest jipproteġi l-ħajja fil-ġuf u naqqas id-dritt tal-ħajja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Partit Popolari Ewropew (PPE) tkellem kemm-il darba fuq id-dritt tal-hajja fl-Ewropa. L-MEPs tal-Partit Soċjalista naqsu milli jikkonvinċu lil sħabhom is-Soċjalisti Ewropej (S&D) li ma jimbuttawx ‘il quddiem l-abort u minflok jirrispettaw il-valuri differenti tal-popli fl-Unjoni Ewropea. Adrian Delia qal li fl-elezzjonijiet li ġejjin il-poplu Malti jista’ juri li mhux lest jilgħab mad-dritt tal-ħajja u l-MEPs tal-PN li se jiġu eletti fil-Parlament Ewropew se jkunu ambaxxaturi għad-dritt tal-ħajja.