It-12 ta’ Mejju jfisser il-Jum Internazzjonali ddedikat lill-infermiera, li jagħtu servizz imprezzabbli lis-settur tas-saħħa madwar id-dinja.
Jum li hu ċċelebrat ukoll f’pajjiżna, fejn sfortunatament, l-infermiera għaddejjin mill-iktar perjodu diffiċli fost nuqqas drastiku ta’ madwar 400 professjonist li għandna bżonn f’Malta u Għawdex.
Din is-sitwazzjoni qed tħalli effett negattiv fuq l-infermiera impjegati f’Malta u Għawdex, kif rifless fi stqarrija ppubblikata mill-MUMN, il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel f’Malta.
Fl-istqarrija, il-President Paul Pace jiddikjara li biex dawn il-professjonisti qed joffru servizz mill-aqwa, qed jispiċċaw isofru huma stess, anke billi jġibu fuqhom problemi ta’ saħħa b’rata għolja ta’ għajja, dipressjoni u nuqqas ta’ motivazzzjoni.
L-MUMN tiddikjara li n-nuqqas ta’ staff fl-istituzzjonijiet lokali relatati mas-saħħa, nuqqas ta’ studenti li jidħlu għal din il-professjoni, eżodu ta’ infermiera li qed jibdlu xogħolhom u kundizzjonijiet ħżiena ta’ xogħol huma r-realtajiet ta’ kuljum għall-infermiera f’Malta u Għawdex.
Paul Pace jiddikjara li ż-żieda drastika fil-popolazzjoni ta’ Malta fl-aħħar snin saħansitra wasslet biex lanqas fadal biżejjed sodod għall-pazjenti tal-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex kif ukoll l-Isptar Monte Karmeli.
Tant hu hekk li jfakkar kif illum-il ġurnata saret ir-realtà a’ kuljum li l-pazjenti jispiċċaw jingħataw il-kura fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei, waqt li fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ukoll ġieli jiġri dan, għalkemm fuq bażi inqas regolari għaliex l-MUMN ilha ġimgħat li tat direttivi lill-membri tagħha biex ma jaċċettawx dan.
Dan apparti li pazjenti li jidħlu għall-kura f’Monte Karmeli ta’ kuljum qed ikollhom jistennew sa filgħaxija biex jingħataw sodda.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-President tal-MUMN Paul Pace jagħmilha ċara li l-Gvern Soċjalista mhux jagħmel l-investiment neċessarju biex iżid is-sodod f’dawn l-isptarijiet, anzi jfakkar kif minflok il-Gvern ta isem lill-kurituri ta’ Mater Dei biex jaħbi l-problema.
U waqt li l-Gvern ħabbar li jrid jagħmel niċċa għat-turiżmu mediku mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ir-realtà minflok turi li dan l-isptar lanqas jiflaħ ilaħħaq mas-servizi mediċi tal-popolazzjoni lokali.Dan kollu fl-istess waqt li l-Isptar Monte Karmeli qed jaqa’ biċċiet, bis-soqfa jżommu biss bil-biċċiet tal-ħadid.
//= $special ?>