PREMIER LEAGUE INGLIŻ
Manchester City kitbu paġna ġdida fl-istorja tagħhom meta rnexxielhom jirbħu l-kampjonat tal-Premier League għat-tieni sena konsekuttiva wara rebħa, 4-1, fuq Brighton and Hove Albion fl-Amex Stadium.
B’hekk, City, sa fl-aħħar, ġabu fix-xejn l-isfida denja ta’ Liverpool, li min-naħa tagħhom, għelbu lil Wolves f’Anfield Road għal rebħa li, fl-aħħarnett, ma switilhom xejn – u meta r-Reds għadhom qed jistennew l-ewwel rebħ tal-kampjonat mill-istaġun 1989-90.
Man City daħlu għall-aħħar logħba tal-istaġun b’punt vantaġġ fuq Liverpool u kienu jafu li, b’rebħa, kellhom jirrepetu s-suċċess ta’ Manchester United, għaxar snin ilu, u jsiru l-ewwel klabb wara r-Red Devils li jaċċertaw mit-tieni kampjonat f’daqstant snin.
Intant, is-Citizens kienu wkoll konxji minn Liverpool li baqgħu jżommu l-pass tul l-istaġun u li kienu qegħdin jittamaw f’żelqa sorpriża mit-tim ta’ Pep Guardiola.
Fil-fatt, kienu Brighton li ħasdu lid-dilettanti tal-futbol Ingliż meta marru fil-vantaġġ wara 27 minuti grazzi għad-daqqa’ ta’ ras ta’ Glenn Murray, fuq azzjoni ta’ korner. Iżda r-reazzjoni tas-Citizens kienet immedjata u furjuża, b’Aguero jegħleb lil Ryan, minuta wara, għall-1-1 – u b’Aymeric Laporte jidħol bħal sajjetta għal korner (38) biex ipoġġi lil City fil-vantaġġ qabel il-mistrieħ.
L-aħbar ta’ dan il-gowl wasal ukoll lill-partitarji f’Anfield li mal-ewwel dehru rassenjati għall-‘inevitabbli’– b’Man City, fit-tieni taqsima, jieħdu kmand assolut tal-logħba, b’Riyad Mahrez ifajjar xutt qawwi għal ġor-rokna tax-xibka għat-3-1, u b’Ilkay Gundogan (72) jiskorja gowl daqstant ieħor spettakolari (minn freekick) biex temm kull dubju dwar id-destinazzjoni tat-titlu.
Din ir-rebħa tfisser li Manchester City irnexxielhom jieħdu punti massimi mill-aħħar erbatax il-logħba ( konsekuttivi) tal-kampjonat u fejn kisbu 32 rebħa b’kollox fil-Premier League – l-istess bħar-rekord li kienu waqqfu fl-istaġun li għadda.
Sadanittant – u wara li Sadio Mane kien fetaħ l-iskor kontra Wolves fis-17-il minuta — Liverpool ħasbu li din kellha tkun il-ġurnata tagħhom, speċjalment ladarba Murray kien poġġa lis-Seagulls fil-vantaġġ kontra Manchester City. Iżda d-destin ried li huma mill-ġdid ifallu t-tragward anki jekk din ir-rebħa ( 2-0, bil-gowl l-ieħor ukoll jiskurjah Mane fil-81 minuta) tfisser li r-Reds temmew l-impenji tal-kampjonat fuq 97 punt – it-tielet l-akbar total fl-istorja (f’kampjonat wieħed) għall-ogħla diviżjoni Ingliża.
Intant, din kienet anki d-disa’ rebħa konsekuttiva għal Liverpool (li rebħu 30 mit-38 impenn tal-kampjonat) fil-Premier League — bil-gowlkiper tar-Reds, Alisson, jirbaħ l-unur tal-Golden Glove wara li rnexxielu jżomm il-lasta tiegħu intatta għal 21 logħba.
Chelsea – finalisti tal-Europa League — temmew l-impenji tal-kampjonat fit-tielet post wara draw,0-0, ma’ Leicester City fil-King Power Stadium u li jfisser kwalifikazzjoni għaċ-Champions League fl-istaġun li jmiss. L-aħjar ċans għal Chelsea wasal għand Gonzalo Higuain iżda dan naqas li jikkonkludi mill-viċin f’logħba li ftit ipproduċiet azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti — b’Leicester itemmu kampjonat ieħor rispettabbli fid-disa’ post tal-klassifika.
Sadanittant, Tottenham Hotspur – li jilgħabu kontra Liverpool fil-finali taċ-Champions League – aċċertaw mir-raba’ post fil-kampjonat bi draw, 2-2, ma’ Everton fin-New White Hart Lane.
Spurs kienu jeħtieġu biss punt biex jikkwalifikaw għaċ-Champions League għar-raba’ sena konsekuttiva , b’Eric Dier ipoġġihom fil-vantaġġ wara tliet minuti fuq il-korner ta’ Lamela. Iżda fit-tieni taqsima waslet ir-rimonta ta’ Everton, b’Walcott jagħmilhom 1-1 mas-70 minuta u b’Cenk Tosun jirdoppja għat-Toffees tliet minuti wara. Intant, Christian Eriksen salva punt għal Spurs bi ġmiel ta’ freekick (75) li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Pickford.
Arsenal għelbu lil Burnley, 3-1, f’Turf Moor, iżda fallew milli jidħlu fit-‘Top Four’ għat-tielet staġun konsekuttiv u fejn iridu jikkuntentaw bil-ħames post fil-klassifika. Il-gowls tal-Gunners waslu minn Aubameyang (52,63) u Nketiah (94) – b’Ashley Barnes jipprovdi l-konsolazzjoni għall-Clarets fil-65 minuta.
Crystal Palace għelbu lil Bournemouth, 5-3, f’Selhurst Park f’waħda mill-aktar logħbiet divertenti ta’ tmiem il-kampjonat.
L-Eagles fetħu vantaġġ komdu grazzi għal żewġ gowls minn Batshuayi (24,32) u awtogol ta’ Simpson, qabel Lerma naqqas id-distakk sekondi qabel il-mistrieħ. Ix-xita ta’ gowls kompliet fit-tieni taqsima b’Ibe jerġa isib ix-xibka għal Bournemouth (56) u b’van Aanholt jerġa’ jiftaħ vantaġġ doppju għal Palace. Imbagħad kien imiss lil Bournemouth li jwieġbu minn Joshua King (73), b’Andros Townsend, għaxar minuti mit-tmiem, jikkonkludi dan il-konfront spettakolari bil-ħames u l-aħħar gowl għal Crystal Palace.
Fulham, li kienu ilhom relegati għal dawn l-aħħar ġimgħat, sellmu għall-aħħar darba lill-Premier League b’telfa kbira f’darhom ( 0-4) ma’ Newcastle United. Il-Magpies kienu diġà 2-0 minn fuq wara ħdax il-minuta grazzi għal Jonjo Shelvey u Ayoze Perez, bir-riżultat ma jinbidilx sal-mistrieħ. Fit-tieni taqsima Schar għamilhom tlieta wara siegħa logħob u b’Rondon, fl-aħħar minuta, jgħaqqad il-‘poker’ għal Newcastle b’xutt qawwi għal ġor-rokna.
Manchester United għalqu staġun mill-aktar diżappuntanti b’telfa oħra f’darhom – din id-darba kontra t-tim relegat ta’ Cardiff City. Nathaniel Mendez-Laing kien l-eroj tal-Bluebirds b’żewġ gowls – wieħed minnhom minn penalty – f’din ir-rebħa (2-0) iżda l-gowlkiper ta’ Cardiff, Neil Etheridge, ukoll kellu logħba kbira fejn wettaq numru ta’ saves fuq it-tentattivi tar-Red Devils li niżlu għal din il-logħba b’diversi żgħażagħ tal-akkademja fl-iskwadra.
Southampton u Huddersfield temmew l-impenji tal-Premier League bi draw, 1-1, f’St Mary’s Stadium. Is-Saints daħlu jistrieħu b’gowl minn fuq wara li Nathan Redmond spara ġewwa fil-41 minuta iżda t-Terriers – li fl-istaġun li ġej ikunu qed jilgħabu f’The Championship – tjiebu fit-tieni taqsima u salvaw punt meta Alex Pritchard (55) approfitta minn żball tal-gowlkiper Gunn biex jixħet ġewwa.
West Ham United kisbu rebħa kbira, 4-1, għand Watford, il-finalisti tal-FA Cup, li spiċċaw il-logħba b’għaxar plejers wara li tkeċċielhom Holebas, fit-48 minuta, għal fawl fuq Michail Antonio.
Il-Hammers żblukkaw ir-riżultat minn Mark Noble (15), b’Lanzini jirdoppja ħames minuti mill-mistrieħ u b’Deulofeu inaqqas il-marġni fl-ewwel minuta tat-tieni taqsima. Żewġ minuti wara l-gowl waslet it-tkeċċija ta’ Holebas, bil-Hammers jerġgħu jieħdu r-riedni u jżidu tnejn oħra minn Arnautovic (71) u penalty ta’ Noble (78) għal fawl fil-kaxxa fuq Antonio.
//= $special ?>