Lokali

Messaġġ komuni favur il-ħajja

Waqt l-attivita’ politika li saret il-Ħadd filgħodu fil-Mellieħa, il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista kellhom messaġġ komuni, dak tal-importanza tal-ħajja.

Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Claudio Grech tkellem dwar l-importanza li nesprimu grattitudni lejn ommijietna li ħadd minnhom ma’ ħares lejna bħala biss 8 ċelloli, kif il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ddeskriva lit-tarbija fil-ġuf.

Claudio Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista dejjem imbotta u hekk ser ikompli jagħmel biex id-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf jissaħħu. Stqarr li l-PN dejjem kien konvint dwar dan u dejjem kellu kapijiet li għożżew il-valuri.

Minn naħa tiegħu, il-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Peter Agius, appella biex meta wieħed ikun qed jagħzel il-membri biex jirrappreżentawna fil-Parlament Ewropew, wieħed iħares lejn il-motivazzjoni u l-kompetenza.

Qal li l-motivazzjoni għandha tibda billi l-kandidati kollha jaħdmu id f’id u jaħdmu sabiex jaraw li d-drittijiet Ewropew tagħna, qed ingawduhom. Għall-kuntrarju għandna Membri fil-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Soċjalista Malti li mhux qed jagħmlu dan.

Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Dione Borg, stqarr kif għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista, li huwa ċar kontra l-abort, it-twemmin tal-Partit Laburista jeħodna f’direzzjoni perikoluża.

Huwa kompla jgħid li għandna Ministri Laburisti li għalihom l-embrijun m’huwa xejn għajr 8 ċelloli. Iżda il-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem u se jkompli jaħdem favur il-prinċipji u l-valuri.

F’din l-attivita’ tkellem ukoll il-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila li stqarr li dan il-Jum speċjali ddedikat lill-Ommijiet, ifakkarna f’kemm hu sabiħ li tkun favur il-ħajja u kontra l-abort.

Dan waqt li wiegħed ħidma biex dak li jitgawda f’pajjiżi oħra, ikun jista’ jitgawda f’pajjiżna ukoll.

Frank Psaila wiegħed ukoll li wara dawn l-elezzjonijiet ser ikun spalla ma spalla mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sabiex kull ċittadin Malti jew Għawdxi jingħata dak kollu li jixraqlu.