Futbol Sport

Seba’ okkażjonijiet preċedenti meta l-Premier League ġie deċiż fl-aħħar logħba

Illum tinkiteb ġurnata oħra fl-istorja tal-futbol Ingliż hekk kif jiġi deċiż il-Premier League f’dik li hi l-aktar taqtigħa missielta minn kemm ilu li jintlagħab il-Premier League. Dan minħabba li Manchester City u Liverpool għamlu kampjonat sħiħ jissieltu kontra xulxin u tellgħu t-total tagħhom għal punti rekord fi ġlieda bejn żewġ timijiet. Min illum jispiċċa t-tieni se jkun waqqaf rekord tal-aktar tim li kiseb punti u ma rebaħx il-kampjonat.

Fil-passat, kien hemm seba’ okkażjonijiet preċedenti meta l-Premier League ġie deċiż fl-aħħar ġurnata. Fi tliet okkażjonijiet minnhom Manchester United ħarġu rebbieħa u Manchester City rebħu darbtejn il-kampjonat fl-aħħar ġurnata. Blackburn rebħu l-unika Premier League fl-aħħar ġurnata, b’Chelsea jassiguraw kampjonat fl-aħħar logħba.

1994/95 (Blackburn Rovers)

Blackburn Rovers u Manchester United waslu sal-aħħar ġurnata tal-kampjonat b’distakk ta’ żewġ punti. Blackburn taħt it-tmexxija ta’ Kenny Dalglish, kienu qed ifittxu l-ewwel titlu f’81 sena. Fl-aħħar ġurnata, Blackburn tilfu 2-1 kontra Liverpool f’Anfield iżda spiċċaw rebħu l-kampjonat xorta minħabba li Manchester United kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra West Ham. Fil-klassifika finali, Blackburn spiċċaw b’89 punt u Manchester United temmew bi 88 punt wara 41 logħba.

1995/96 (Manchester United)

L-istaġun 1995/96 jibqa’ mfakkar b’mod speċjali minħabba l-mod kif Newcastle tilfu vantaġġ ta’ 12-il punt fil-quċċata. Il-kampjonat ġie deċiż fl-aħħar logħba hekk kif Manchester United bdew b’żewġ punti fuq Newcastle. F’Riverside huma għelbu lil Middlesbrough 3-0 biex rebħu l-kampjonat u saħansitra spiċċaw erba’ punti fuq Newcastle tal-manager Kevin Keegan, wara li spiċċaw 1-1 kontra Tottenham. Manchester United temmew bi 82 punt wara 38 logħba.

1998/99 (Manchester United)

It-tielet darba li l-Premier League ġie deċiż fl-aħħar logħba kien fl-istaġun 1998/99 meta Manchester United rebħu t-tripletta. Din id-darba l-isfidanti ewlenin kienu Arsenal. Il-Gunners kienu qed jittamaw pjaċir mingħand ir-rivali Tottenham  billi jwaqqfu lil Manchester United f’Old Trafford filwaqt li huma jegħlbu lil Aston Villa f’Higbury. Les Ferdinand kien poġġa lil Tottenham minn fuq iżda gowls minn David Beckham u Andy Cole taw it-tieni titlu konsekuttiv lir-Red Devils. Huma spiċċaw b’79 punt, punt aktar minn Arsenal.

2007/08 (Manchester United)

Dwell bejn Manchester United u Chelsea baqa’ sejjer sal-aħħar ġurnata. Huma bdew it-tnejn b’84 punt iżda Manchester United kellhom differenza ta’ gowls aħjar. Għalhekk Chelsea kellhom bżonn riżultat aħjar mir-Red Devils iżda mhux talli ma ġarax hekk, talli Chelsea spiċċaw draw f’darhom kontra Bolton u Manchester United għelbu lil Wigan 2-0 b’gowls minn Cristiano Ronaldo u Ryan Giggs.

2009/10 (Chelsea)

Iż-żewġ timijiet reġa’ kellhom dwell simili żewġ staġuni wara. Din id-darba Chelsea daħlu għall-aħħar logħba bi 83 punt filwaqt li Manchester United kellhom 82 punt, b’Chelsea b’differenza ta’ gowls aħjar. Manchester United għelbu lil Stoke iżda Chelsea kisbu r-rebħa li kellhom bżonn meta fi Stamford Bridge għelbu lil Wigan 8-0. B’hekk Carlo Ancelotti rebaħ il-Premier League fl-ewwel staġun tiegħu.

2011/12 (Manchester City)

Jekk hemm tmiem ta’ kampjonat li jibqa’ jissemma fl-istorja tal-Premier League hu żgur dak tal-istaġun 2011/12. Id-dwell f’dan l-istaġun kien bejn it-timijiet ta’ Manchester li qabel l-aħħar logħba kienu t-tnejn b’86 punt. Fl-aħħar logħba, Manchester United rebħu l-logħba tagħhom 1-0 barra minn darhom kontra Sunderland b’gowl ta’ Wayne Rooney. Fuq in-naħa l-oħra, Manchester City kienu qed jilagħbu f’darhom kontra Queens Park Rangers.

Pablo Zabaleta poġġa lil City minn fuq fid-39 minuta iżda QPR dawru r-riżultat b’gowls ta’ Djibril Cisse u Jamie Mackie fis-66 minuta. Il-logħba tar-Red Devils spiċċat qabel u kienu qed jistennew ir-riżultat finali. Edin Dzeko ġab id-draw fit-92 minuta biex żewġ minuti wara Sergio Aguero skorja l-gowl rebbieħ biex rebbaħ kampjonat eċċitanti għat-tim ta’ Roberto Mancini. Manchester City rebħu l-kampjonat għall-ewwel darba f’44 sena b’differenza ta’ gowls aħjar minn Manchester United.

2013/14 (Manchester City)

Simili bħal dak li ġara f’dan l-istaġun, Manchester City u Liverpool kienu għadhom qed jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat sal-aħħar ġurnata. It-telfa li sofrew Liverpool f’Anfield kontra Chelsea ftit ġimgħat qabel u d-draw kontra Crystal Palace, poġġew lil City fil-quċċata żewġ punti vantaġġ qabel l-aħħar logħba. Fl-aħħar logħba, Liverpool rebħu 2-1 kontra Newcastle iżda rebħa kienet inutli minħabba li Manchester City kisbu rebħa ta’ 2-0 kontra West Ham. B’hekk Manchester City temmew il-kampjonat b’86 punt, tnejn aktar minn Liverpool.