Lokali

Twissija mill-Istati Uniti: “L-informazzjoni miġbura minn Huawei f’Malta tista’ tiġi abbużata”

L-insistenza tal-Gvern Soċjalista Malti biex juża t-teknoloġija tal-kumpanija Ċiniża Huawei għal proġett ta’ sorveljanza tal-massa f’Malta qed tqajjem tħassib.

Tant hu hekk li anke wieħed mill-ogħla uffiċjali Amerikani li jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mat-teknoloġija, wissa’lil pajjiżna.

Robert Strayer, li tkellem ma’ Malta Today, wissa’ lil Malta li bil-proġett imsejjaħ Safe City jista’ jkun li qed niftħu opportunità biex data sensittiva tispiċċa fl-idejn fiċ-Ċina.

Qal li jekk kif jidher, din is-sistemà tiġi ntrodotta f’Malta, ir-riskju hu li l-informazzjoni miġbura tista’ tintuża għal skop li jmur ‘lil hinn mill-intenzjonijiet oriġinali.

Minkejja li kien iffaċċjat b’dan it-tħassib, id-Direttur ta’ Safe City Malta Joe Cuschieri ddikjara sempliċiment li din hi biss opinjoni oħra dwar Huawei.

Tant hu hekk li l-Gvern mistenni jkompli għaddej bil-pjani tiegħu anke għaliex fl-2016 kien iffirmat ftehim bejn il-Gvern Soċjalista Malti u l-istess kumpanija Ċiniża biex jinħolqu numru ta’ sistemi relatati mal-proġett Safe City.

Għalkemm id-dettalji huma limitati, l-iskop tal-Gvern jidher li hu li pajjiżna kollu jkun sorveljat b’mod reali, il-ħin kollu.

Fl-midja internazzjonali, il-kumpanija Huawei kienet deskritta bħala l-iktar kumpanija kontroversjali fid-dinja u akkużata li bit-teknoloġija tagħha qed isservi biex iċ-Ċina jispija fuq il-gvernijiet Ewropej.

Fil-Kanada, il-Kap tal-Finanzi tal-kumpanija, Meng Wanzhou, kienet arrestata fuq akkużi li ppruvat taħbi l-ksur ta’ sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti fuq l-Iran waqt li l-Istati Uniti ilha xhur tagħmel diversi akkużi fil-konfront ta’ Huawei, f’dik li ħafna jiddeskrivu bħala l-gwerra tal-President Donald Trump kontra l-kumpanija Ċiniża.

Anke r-Renju Unit sab li s-sistemi ta’ Huawei fihom numru ta’ nuqqasijiet u problemi sistematiċi ta’ inġinerija.

Iżda għall-kuntrarju f’Malta, ir-rabtiet bejn il-Gvern ta’ Joseph Muscat u din il-kumpanija komplew jissaħħu dejjem iktar wara li fl-2015 l-istess kumpanija fetħet uffiċċju f’Malta … li sa xhur wara kien għadu vojt.sdpriority6