Lokali

32 proposta għall-qasam sportiv

Il-Partit Nazzjonalista qed iniedi 32 proposta b’rabta mat-tfassil tal-istrateġija nazzjonali tal-isport. Il-proposti tal-PN huma frott il-kuntatt mal-atturi fis-settur sportiv u jkomplu jibnu fuq l-abbozz tal-istrateġija mfassla minn Gvern Nazzjonalista fl-2012. Il-proposti jħarsu lejn l-isport minn żewġ perspettivi: l-isport professjonali u l-isport għal kulħadd bħala parti integrali minn ħajjitna. Dawn il-proposti ġew imnedija waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Ryan Callus u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg.

David Agius qal li l-proposti tal-PN jibnu fuq is-suċċessi miksuba sabiex nagħmlu qabża ta’ kwalità fl-isport professjonali filwaqt li nwessgħu l-parteċipazzjoni fl-isport għal kulħadd.C

Fost il-proposti mħabbra mill-PN, Ryan Callus rrefera għall-pjattaforma nazzjonali tal-isport li ma tkunx maħtura mill-politiku iżda mill-assoċjazzjonijiet u esperti sportivi bil-għan li nieħdu l-isport fuq livell ogħla u niksbu suċċessi aħjar. F’dan is-sens, il-PN qed jipproponi finanzjament għall-isportivi full-time, b’atleti mgħejjuna minn tim multi-dixxiplinarju bil-mira li niksbu miri stabiliti f’ħames snin. Jeħtieġ ukoll li ninvestu f’faċilitajiet ġodda.

Huwa qal li wasal iż-żmien ukoll li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport u l-abbuż mis-sustanzi jittieħdu b’aktar serjetà.

Dione Borg qal li numru sostanzjali ta’ assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet f’pajjiżna jiddependu biss mill-volontarjat. Il-PN qiegħed jipproponi li minbarra żieda fl-allokazzjoni finanzjarja, jiġi allokat uffiċjal amministrattiv għal kull entità sabiex ikun jista’ jassisti aħjar lill-assoċjazzjonijiet sabiex jagħtu servizz aħjar lid-dixxiplini rispettivi. Għall-atleti b’diżabbilità’, jeħtieġ nagħmlulhom ħajjithom eħfef billi noffru taħriġ speċjalizzat lill-coaches sabiex ikunu mħarrġa speċifikament biex ikunu ta’ spalla għall-atleti b’diżabilità. Dione Borg qal li jeħtieġ li nwessgħu l-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-isport sabiex tinkludi dixxiplini oħra minbarra l-futbol u l-waterpolo.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll Andre Muscat u Hugh Caruana, kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar u l-Gżira rispettivament.