Lokali

Differenza ċara bejn is-Soċjalisti li jridu l-abort u taxxa waħda fl-Ewropa u l-PN li jrid iħares il-ħajja u li nibqgħu niddeċiedu aħna dwar it-taxxa

“Hemm differenza ċara bejn is-Soċjalisti li jridu l-abort u li jridu taxxa waħda madwar l-Ewropa kollha b’detriment għall-investiment u l-impjiegi f’pajjiżna u l-Partit Nazzjonalista li jrid iħares il-ħajja u li nibqgħu niddeċiedu aħna dwar it-taxxa.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’Ħaż-Żabbar bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li l-manifest tas-Soċjalisti Ewropej jitkellem b’mod ċar li s-Soċjalisti, bi Frans Timmermans fuq quddiemnett, jridu jimponu l-abort u jridu li jimponu taxxa waħda komuni madwar l-Ewropa. Huwa qal li l-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista minflok jitkellem dwar id-dritt tal-ħajja ta’ kull persuna mill-konċepiment sal-mewt, dwar master plan Ewropew biex negħlbu l-kanċer u biex ikollna Ewropa li tkun carbon neutral sas-sena 2045.

 Adrian Delia qal li dawn huma l-wegħdi ċari li hemm fiż-żewġ manifesti elettorali u l-poplu għandu jkun jaf għalxiex qed jivvota, għaliex vot għal-kandidati tal-Partit Soċjalista Malti huwa vot għal Frans Timmermans u s-Soċjalisti Ewropej li jridu l-abort bi dritt u jridu wkoll taxxa komuni fl-Ewropa li teqred l-eluf ta’ impjiegi fis-setturi ekonomiċi importanti għal pajjiżna bħall-gaming u s-servizzi finanzjarji.

Huwa qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat diġà ddikjara li l-MEPs eletti għall-Partit Soċjalista Malti se jappoġġjaw lil Frans Timmermans biex isir il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li s-Soċjalisti f’Malta jgħidu mod u fl-Ewropa jagħmlu mod ieħor u fil-Parlament Ewropew ivvutaw 16-il darba favur l-abort f’dawn l-aħħar sentejn. Huwa qal li Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jgħid li l-kwistjoni tal-abort hija redikola għax għall-PN l-ħajja huwa prinċipju li mhux se niċċaqilqu minnu, għax it-twemmin tagħna huwa għad-dritt tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sfida lil Joseph Muscat biex jiddiskuti l-issues ewlenin waqt dibattitu f’Xarabank. Dibattitu skedat għal nhar il-Ġimgħa li iżda, Joseph Muscat ma aċċettax li jattendi għalih.

Adrian Delia qal li l-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju hija waħda bejn l-issues l-aktar importanti għall-poplu bħalma huwa t-taxxa, l-abort, l-ambjent u l-ġlieda kontra l-kanċer. Huwa qal li din mhix elezzjoni dwar Joseph Muscat imma dwar l-issues l-aktar importanti għall-Maltin u l-Għawdxin.

Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Stephen Spiteri li qal li hemm ‘il fuq minn 60,000 pazjent li qed jistennew appuntament fl-outpatients. Stennija ta’ diversi xhur, ġieli anki sena.  Il-PN kien proattiv fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kanċer u sellem il-ħidma ta’ Francis Zammit Dimech fuq livell Ewropew.

Il-Kandidat Michael Briguglio, fakkar fid-dmugħ tal-kukkudrilli tal-Gvern dwar l-ambjent meta fir-realta’ ta meded kbar ta’ art lill-Ġordaniżi, u park naturali fl-Inwadar li għadu ma sarx. Semma wkoll kif għal xejn inqas minn tliet darbiet, Joseph Muscat ma ridx jagħti garanzija li mhux se jkun hemm reklamazzjoni tal-art fix-Xgħajra.

Il-Kandidat Michael Mercieca qal li jekk jingħata l-fiduċja, se impenja ruħu biex jinġiebu kemm jista’ jkun fondi mill-UE biex isir titjib u rijabilitazzjoni ta’ din iz-zona, b’mod partikolari il-patrimonju storiku fil-Kottonera. L-Ewroparlamentari u kandidat David Casa sostna li din il-ġimgħa kienet waħda fejn il-Partit Laburista kixef li jgħid ħaġa f’Malta u jagħmel bil-maqlub barra minn Malta.

L-Ewroparlamentari Soċjalisti ħbew li għal 16-il darba f’sentejn, dawn ivvutaw favur l-abort. L-istess għal dak li għandu x’jaqsam mat-tassazzjoni, fejn wissa li jekk tgħaddi tas-soċjalisti, ikollna problemi serji fl-ekonomija ta’ pajjiżna.