Sport Sport Ieħor

Djokovic jirbaħ l-Open ta’ Madrid għat-tielet darba

(Ritratt: EPA)

Is-sid numru wieħed tad-dinja Novak Djokovic għeleb lil Stefanos Tsitsipas biex rebaħ l-Open ta’ Madrid għat-tielet darba. Is-Serb ta’ 31 sena rebaħ 6-3, 6-4 f’siegħa u 32 minuta biex rebaħ tournament tal-Masters 1000 għat-33 darba u laħaq lil Rafael Nadal.

Djokovic mar 3-0 minn fuq fl-ewwel set wara li kiser is-service tal-Grieg ta’ 20 sena fit-tieni logħba. Hu kiser ukoll is-service fid-disa’ logħba tat-tieni set biex assigura li ma tilifx set fit-tournament kollu. Dan kien l-74 titlu ta’ Djokovic fil-karriera wara li lagħab darba biss mal-aħħar tmienja fit-tliet tournaments li lagħab wara li rebaħ l-Open tal-Awstralja għas-seba’ darba.

“Din hi rebħa importanti ħafna għalija speċjalment minħabba l-kunfidenza tiegħi. Ma kontx qed nilgħab l-aqwa tennis wara l-Open tal-Awstralja u kont qed infittex li nerġa’ nikseb ir-ritmu. Hawnhekk lagħbt fost l-aqwa tennis tiegħi.”

Tsitsipas li għeleb lil Roger Federer fl-Open tal-Awstralja, kellu staġun mill-aqwa u minbarra r-rebħa fis-semifinali kontra Nadal, rebaħ kontra Djokovic fit-Tazza Rogers f’Toronto f’Awwissu li għadda. Iżda hu naqas li jlaħħaq mal-15-il darba rebbieħ ta’ Grand Slam minħabba li s-Serb kien f’kundizzjoni fiżika aħjar.

Minbarra li laħaq ir-rekord ta’ Nadal tal-Masters 1000, Djokovic ikollu l-erba’ titli ta’ Grand Slam fl-istess ħin jekk ix-xahar id-dieħel jirbaħ l-Open ta’ Franza għat-tieni darba.