Lokali

Għada l-ewwel semi finali tal-Eurovision Song Contest 2019

Ibieraħ f’Tel Aviv saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena magħrufa bħala l-Orange Carpet fejn ġew preżentati l-kantanti kollha li se jkunu qed jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni, fejn iż-żeffiena li se jkunu qed jakkumpanjaw lill-kantanta Maltija Michela taw lezzjoni fiż-żifna tal-kamalejonte lill-preżentaturi tas-serata.

Segwi din iċ-ċerimonja hawn. Michela tidħol fis-2:24:40

Intant kollox jinsab lest fiċ-Ċentru għall-Konvenzjonijiet Internazzjonali l-Expo Tel Aviv għall-ewwel semi finali tal-Eurovision Song contest ta’ din is-sena li se ssir għada t-Tlieta.

Il-Ħamis, imbagħad issir it-tieni semi-finali. Il-kantanta Michela, li se tirrappreżenta lil pajjiżna bil-kanzunetta Chameleon, tkanta f’din it-tieni semi finali fil-11-il post.

Miż-żewġ serati tas-semi finali jikkwalifikaw total ta’ 20 kanzunetta, 10 minn kull semi finali, li mbagħad jingħaqdu mas-sitta li jikkwalifikaw b’mod awtomatiku, jiġifieri l-Iżreal, bħala l-pajjiż li qed jospita din il-kompetizzjoni, l-Ingilterra, Spanja, l-Italja, il-Ġermanja u Franza.

L-Iżreal qed jospita l-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena wara li l-kantanta Netta rebħet il-kompetizzjoni tas-sena l-oħra f’Lisbona fil-Portugall.

Ikkummenta