Internazzjonali

Ġurnalista Afgana maqtula fi triqtha għal xogħlha

Il-Pulizija tal-Afganistan u attivisti għad-drittijiet tan-nisa fl-istess pajjiż qed jitolbu l-ġustizzja wara li nqatlet ġurnalista prominenti u konsulenta politika.

Mina Mengal, li kienet preżentratriċi televiżiva qabel ma bdiet karriera politika, inqatlet b’tir mill-viċin f’Kabul is-Sibt li għadda.

Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ, iżda għadu mhux ċar min kien wara dan il-qtil.

Fi stqarrija maħruġa s-Sibt, il-Ministeru tal-Intern qal li Mangal kienet fi triqtha lejn ix-xogħol bħala konsulenta għall-Parlament Afgan u nqatlet għall-ħabta tas-7.20 ta’ filgħodu.

Kelliema għal grupp prominenti tad-drittijiet tan-nisa qalet li Mina Mangal reċentement kitbet fuq Facebook li kienet qed tirċievi theddid u li kienet qed tibża għal ħajjitha.

Wara l-qtil ta’ Mengal, il-media soċjali Afgana ħarġet voċifera ħafna dwar il-vjolenza fuq in-nisa fil-pajjiż.