Futbol Sport

Hughton jitkeċċa minn manager ta’ Brighton

(Ritratt: EPA)

Chris Hughton tkeċċa minn manager ta’ Brighton wara erba’ snin u nofs imexxi l-klabb. Hughton li għandu 60 sena kellu esperjenza pożittiva mal-klabb u f’dan l-istaġun reġa’ mexxa lit-tim biex salvaw posthom fil-Premier League.

Fl-ewwel staġun tiegħu, Hughton mexxa lis-Seagulls biex żammew posthom fiċ-Championship u fl-ewwel staġun sħiħ tiegħu, wassal lit-tim sal-play-offs. Fl-istaġun ta’ wara hu kien strumentali biex wassal lil Brighton għar-rebħ tal-promozzjoni fil-Premier League għall-ewwel darba. Fl-aħħar żewġ staġuni Brighton salvaw posthom mal-kbar.

Iċ-chairman tal-klabb Tony Bloom qal din kienet waħda mid-deċiżjonijiet diffiċli li kellu jieħu iżda jidher li d-deċiżjoni saret wara d-diffikultà li kellhom bħala tim fit-tieni parti tal-kampjonat.

Brighton salvaw b’żewġ punti wara li rebħu biss 11-il punt fi 18-il logħba fl-2019. L-assistent ta’ Hughton Paul Trollope u l-kowċ tal-ewwel tim Paul Nevin ukoll ħallew il-klabb. Hughton kien inħatar manager tal-klabb f’Diċembru 2014. Fl-istaġun li għadda, Brighton spiċċaw fil-15-il post b’40 punt filwaqt li f’dan il-kampjonat kisbu 36 punt u temmew fis-17-il post.