Meta ninsabu 13-il jum bogħod mill-jum tal-votazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali kif ukoll dawk tal-Parlament Ewropew, kompla l-ġbir ta’ dokumenti tal-vot mill-għases tal-lokalitijiet jew mill-Kunsilli.
Fl-għases fil-bidu tal-proċess kien hemm 78,339 dokument tal-vot għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li minnhom s’issa nġabru madwar 15% jew 11,448 vot.
Dokumenti tal-vot għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fl-għases kien hemm 132,408 li s’issa minnhom inġabru 11,519 li jiġu madwar 9% tad-dokumenti tal-vot li hemm f’idejn il-pulizija.
Dawk li ma rċevewx id-dokumenti tal-voti fi djarhom jistgħu jiġbru l-vot tagħhom mill-għassa tal-lokalità tagħhom u jridu jieħdu l-karta tal-identità tagħhom magħhom biex ikunu jistgħu jagħmlu dan. Id-dokumenti tal-vot jridu jinġabru personalment u ħadd ma jista’ jiġbor id-dokumenti ta’ ħaddieħor.
Il-ġbir tal-voti mill-għases jista jsir sa nhar il-Ħadd li ġej f’nofsinhar. Min jibqa’ ma jiġborx id-dokumenti tal-vot tiegħu sa dakinhar, ikun jista jagħmel dan bejn it-Tlieta 21 u l-Ħamis 23 ta’ Mejju mis-sala tal-għadd tal-vot fin-Naxxar.
Intant is-Sibt li ġej issir l-ewwel sessjoni tal-votazzjoni hekk kif jivvutaw dawk li mhux se jkunu f’pajjiżna fil-jum propja tal-elezzjoni, jiġifieri fil-25 ta’ Mejju. Dakinhar jivvutaw ukoll dawk rikoverati fl-isptarijiet u r-residenti fid-djar tal-anzjani.
Dawk kollha li se jservu bħala kummissarji elettorali dakinhar tal-25 ta’ Mejju jivvutaw it-Tlieta 21 ta’ Mejju fin-Naxxar.
//= $special ?>