Lokali

Il-Kunsill tal-Imsida m’għamel kważi xejn

Viżibbilment skomdu, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima ħarab milli jwieġeb jekk jikkundannax il-fatt li l-Kunsill Lokali Laburista fl-Imsida għamel ftit li xejn fl-aħħar snin.

Dan meta għall-maġġoranza tal-aħħar leġislatura, il-Kunsill Lokali kien iddikjarat mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali li kellu żbilanċ finanzjarju estrem, tant li ntalab joħroġ biss ħlasijiet obbligatorji.

Qabel din il-leġislatura, sal-2013, Clifton Grima kien is-Sindku Laburista fl-Imsida. Hu għalhekk li għall-mistoqsijiet ta’ NET News, hu wieġeb biss li l-Kunsill Laburista fl-Imsida ħadem bla heda.

Iżda l-verità hi mod ieħor … għax f’Lulju 2016, il-Kunsill Lokali rċieva email mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali li kawża tal-iżbilanċ finanzjarju, il-Kunsill Laburista kien qed imur kontra r-Regolamenti Finanzjarji.

Għaldaqstant, il-Kunsill intalab aktar minn darba biex ma jidħolx għal impenji finanzjarji, ħlief dawk kuntrattwati. Fost l-oħrajn, twaqqaf immedjatament l-overtime għall-impjegati tal-Kunsill, filwaqt li l-membri tal-Kunsill lanqas biss setgħu jagħmlu Purchase Order.

Kawża tal-immaniġġjar finanzjarju ħażin, matul din il-leġislatura, il-Kunsill Laburista tal-Imsida ntalab ukoll għal żmien twil biex jara li jimminimizza l-ispejjeż ta’ telefonati u li ma jwiegħed l-ebda għajnuna finanzjarja mitluba mill-għaqdiet lokali.

Fl-Imsida, il-Partit Laburista ilu fil-maġġoranza mill-2006. U f’dawn is-snin, iddominat it-telqa, kif ukoll bankini u toroq imkissra mingħajr l-ebda intervent mill-Kunsill, minkejja l-ilmenti tar-residenti. Kienu diversi wkoll l-interventi mill-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista, li iżda kienu injorati għalkollox mill-maġġoranza Laburista.

L-uniku proġett li sar f’dawn is-snin kienet ir-rinnovar tal-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja, li iżda wkoll kienet imtappna minn deċiżjonijiet ħżiena. Fost l-oħrajn bix-xiri ta’ erba’ fanali li suppost jaħdmu bix-xemx, iżda li qatt ma jixgħelu … minkejja li dawn swew lill-Kunsill madwar 15,000 ewro kull wieħed. Ix-xogħol f’din il-Pjazza kien sar meta Clifton Grima kien Sindku.

Il-kriżi Laburista fil-Kunsill tal-Imsida laħqet il-milja tagħha fl-aħħar ġimgħat meta Kunsillier Laburista rriżenja mill-Partit għax qal li kien tradut minn sħabu l-Kunsillieri Laburisti.

Tags