Gowl f’kull taqsima kien biżżejjed biex Inter jirritornaw għar-rebħ meta fi Stadio Giuseppe Meazza għelbu lit-tim relegat Chievo 2-0. B’din ir-rebħa huma reġgħu qabżu fit-tielet post punt fuq Atalanta u komplew jersqu lejn post fl-edizzjoni li jmiss taċ-Champions League minħabba li jinsabu erba’ punti fuq Milan u Roma b’żewġ logħbiet għat-tmiem.
Ir-rebħa għal Inter kienet meritata, b’Chievo jonqsu li jagħtu xutt fil-lasta minkejja li offrew oppożizzjoni denja. Għalihom spikka l-gowlkiper Adrian Semper li salva lit-tim tiegħu diversi drabi. Fit-tieni taqsima Inter laqtu l-lasta darbtejn permezz ta’ Ivan Perisic u Cedric Soares. It-tim ta’ Luciano Spalletti fetaħ l-iskor fid-39 minuta meta l-ballun ttieħed parzjalment minn saqajn Ivan Perisic u spiċċa għand MATTEO POLITANO li b’xutt fil-baxx għeleb lil Adrian Semper bl-għajnuna tal-wieqfa.
L-andament fit-tieni taqsima baqa’ l-istess, b’Inter fil-kontroll tal-logħba iżda naqsu li jagħlqu l-logħba. Chievo kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas kwarta mit-tmiem minħabba li tkeċċa Nicola Rigoni għat-tieni karta safra. Inter serrħu rashom mir-rebħa fis-86 minuta meta xutt ta’ Cedric Soares stampa mal-wieqfa, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ IVAN PERISIC li kkontrolla u għeleb lil Semper b’xutt fil-baxx biex skorja s-seba’ gowl tiegħu f’seba’ logħbiet kontra Chievo.
Intant fil-logħba l-oħra, Bologna għamlu pass importanti lejn is-salvazzjoni b’rebħa kbira ta’ 4-1 fuq Parma fi Stadio Renato Dall’Ara. B’din it-telfa, Parma daħlu f’inkwiet ta’ relegazzjoni, f’logħba li setgħu serrħu rashom. RICCARDO ORSOLINI fetaħ l-iskor fit-52 minuta b’xutt fil-baxx mill-kaxxa biex mas-siegħa logħob l-iskor sar 2-0 bi free-kick ta’ Erick Pulgar li ħabat mal-wieqfa u ħabat mal-gowlkiper Luigi Sepe biex daħal fix-xibka.
Tliet minuti wara, Parma spiċċaw jilagħbu b’raġel anqas wara li Bruno Alves irċieva żewġ karti sofor fl-istess azzjoni. Bologna għalqu l-logħba fit-72 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ LYANCO minn korner. Parma naqqsu d-distakk fil-81 minuta b’konklużjoni mill-kaxxa ta’ ROBERTO INGLESE iżda Bologna skorjaw ir-raba’ gowl tliet minuti wara minn awto-gowl ta’ Francisco Sierralta.
//= $special ?>