Jidher li qed ikomplu jixxejjnu t-tamiet li l-Gvern ta’ Muscat iżomm mal-wegħdi li għamel fil-manifesti elettorali tiegħu diversi drabi, jiġifieri dik li jibni trakka jew korsa tal-karozzi għad-dilettanti tal-motorosport.
Il-manifest elettorali tal-Partit Laburista tal-2017 kien jgħid hekk:
“Wara li saru l-istudji neċessarji, se tinħareġ sejħa sabiex f’pajjiżna jkollna racetrack ghat-tiġrijiet tal-karozzi. Iz-zona identifikata li fiha għandha tinbena din ir-racetrack hija f’Ta’ Qali.”

Dan wara li l-manifest tal-Partit Laburista ta’ sitt snin ilu għall-elezzjoni tal-2013 kien ukoll wiegħed trakka tal-karozzi għad-dilettanti ta’ dan l-isport.

Interessanti l-fatt illi din mhix l-ewwel darba li l-Partit Laburista wiegħed li jibni trakka tal-karozzi. Filfatt il-Manifest tal-Malta Labour Party, lura fl-1971 ukoll għamel dan fejn qal li:
“Għall-adulti huwa neċessarju li n-nazzjon jipprovdi ċentru għat-tiġrijiet tal-karozzi…”

Tamiet li forsi din it-trakka tista’ minflok issir f’Ħal Far sfaxxaw ukoll hekk kif issa jidher li din iz-zona hi l-unika waħda li fadal li tista’ tiġi żviluppata f’zona industrijali, u għaldaqstant mhemmx lok għal-bini ta’ trakka hemmhekk, b’ħafna dilettanti li issa ilhom is-snin jistennew li l-Gvern iwettaq dak li ilu zmien twil wiegħed, tħallew tista’ tgħid bla tama li dan jista’ qatt iseħħ.