Lokali

Joseph Muscat irid jiftaħ diskussjoni dwar l-abort

Mhux talli ma jagħlaqx il-bibien dwar l-abort, talli jitlob li "ma jkunx hemm sterjotipi"

It-tħassib tan-nies wara li t-tliet Membri Parlamentari Ewropej Soċjalisti Maltin ivvutaw għal 16-il darba favur l-abort huwa “ħmerija”.

Il-Prim Ministru kien qed iwiegeb domandi ta’ NET News meta gie mistoqsi jekk jikkundannax l-aġir tat-tliet MEPs Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi. Iżda minflok, hu ħarab billi stqarr li m’għandniex inkomplu ngħidu ħmerijiet.

Mhux talli hekk, talli l-Prim Ministru qal li lest jiftaħ diskussjoni dwar l-abort. Dan minkejja l-karbiet ta’ kundanna minn diversi setturi fis-soċjetà.

U minkejja tweġiba twila, fosthom anke bi ftaħir li jaf kif jaħdem il-Parlament Ewropew għax għamel erba’ snin fi Brussell, Muscat baqa’ ma kkundannax il-mod kif ivvutaw it-tliet MEPs Soċjalisti Maltin.

L-aġir ta’ Sant, Dalli u Mizzi kien żvelat mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa waqt l-edizzjoni tal-Ġimgħa tal-programm Xarabank. Matulu, l-eks Mexxej Soċjalista Alfred Sant ħassu skomdu jwieġeb jekk hu u sħabu vvutawx 16-il darba f’sentejn biss favur l-abort.

Kien għalhekk li Casa ppreżentalu d-dokumenti li jikxfu l-aġir tal-MEPs Soċjalisti.

Sadanittant, mistoqsi minn ġurnalist ieħor dwar id-dikjarazzjoni tiegħu stess li ma jlaħħaqx mal-ħajja, minkejja l-paga ta’ Prim Ministru, Muscat qal biss li jempatizza – jiġifieri li jħoss – għal min ma jlaħħaqx għax għandu paga ħafna anqas minn tal-Prim Ministru.

Jidher li din it-tweġiba tal-Prim Ministru se tibqa’ l-unika konsolazzjoni għal min mhux ilaħħaq mal-ħajja. Tant hu hekk li, minkejja li ilu sitt snin fit-tmexxija tal-Gvern, għadu ma għamel xejn biex jgħin lil dawk verament fil-bżonn.

Dan meta l-Maltin u l-Għawdxin qed ikomplu jsibu ma’ wiċċhom aktar żidiet fil-prezzijiet, bħal tal-fuels, il-ħobż, il-ħalib u prodotti tal-ħalib, kif ukoll il-pastizzi, u ikel tat-take-away fost l-oħrajn.