Edukazzjoni Lokali

Kjass u storbju waqt eżami tal-Matsec

Studenti li kienu qed jpoġġu għall-eżami tal-Matsec fl-iskola Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar nhar is-Sibt wara nofsinhar kellhom esperjenza qarsa hekk kif tħallew kważi sagħtejn sħaħ jaħdmu f’kundizzjonijiet li tellfuhom milli jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-karta tal-eżami.

Għadd ta’ studenti tkellmu ma’ Net News dwar dak li seħħ jumejn ilu. Huma qalulna li kollox kien sew meta daħlu fil-klassijiet rispettivi tagħhom għal ħabta tal-3,45pm imma fl-3.55, ħames minuti qabel ma beda l-eżami bdiet tinstema mużika ġejja minn barra kif ukoll mara titkellem fuq mikrofonu u minnufih xi studenti staqew jekk jistax isir xi ħaġa ħalli jitwaqqaf l-istorbju. Iżda fost ir-risposti li ingħataw mil-invigilators li kienu magħhom kien hemm li qed isir pool party fil-viċin u li din ma kienitx l-ewwel darba li ġrat waqt eżami.

L-istudenti baqgħu jitolbu li jsir xi ħaġa imma fl-4.30pm daħal is-supervisor u qallhom li huma qed iħallu f’idejn il-pulizija. Sadanittant l-istudenti kienu qed jippruvaw jiktbu tlett komponimenti, wieħed ta’ 400 u tnejn ta’ mitejn kelma ‘l wieħed.

Għall-ħabta tal-5.00pm kompliet għoliet il-mużika u l-għajjat tal-mara fuq il-mikrofonu. Studenti li ma felħux aktar komplew jipprotestaw, bi studenta partikolari tgħid lill-invigilator li l-mużika qed togħla imma l-marki tagħhom kienu se jinżlu.

Fil-5.30 imbagħad, nofs siegħa qabel tmiem l-eżami, il-mara fuq il-mikrofonu instemgħet tavża li se jieħdu break. Imma l-break dam biss 5 minuti u minnufih reġgħet għoliet il-mużika u reġa’ beda l-għajjat fil-mikrofonu.

Fl-aħħar fis-5.45, kwarta qabel spiċċa l-eżami, waslu l-pulizija u waqqfu l-mużika.

Issa dawn l-istudeni qed jistaqsu jekk hux se jkunu qed jingħataw il-gradi bl-istess kriterji li se jingħataw gradi studenti oħrajn li ħadmu f’kundizzjonijiet deċenti. Huma għadhom qed jistennew risposta mid-dipartiment tal-MATSEC.