Kunsilli Lokali Lokali

Konferenza suppost tal-Gvern tinbidel f’attivita’ partiġġjana

Ritratt: Kunsill Lokali Floriana

Il-Partit Nazzjonalista fil-Floriana se jibqa’ jaħdem b’politika ġusta ‘l bogħod mill-partiġġjaniżmu. Għal darb’oħra, konferenza tal-aħbarijiet imsejħa mill-Gvern , fi Ġnien il-Mall, inbiddlet f’attivita’ partiġġjana bis-sehem ta’ kandidati tal-Partit Soċjalista għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fil-Floriana.

Fi stqarrija, il-Minority Leader James Aaron Ellul u l-Kunsillier Anthony Grech Sant qalu li għal din il-konferenza mill-ġdid il-Kunsillieri tal-PN ġew imwarrba għal kollox u ma ġewx mistiedna biex jattendu.  

Filwaqt li huwa tajjeb li jsir investiment fil-ġnien, fl-aħħar snin kien il-PN fil-Floriana permezz tal-Kunsillieri tiegħu illi tkellem fuq dan, kemm f’numru ta’ laqgħat u kif ukoll fil-pubbliku, sfortunatament dwar dan qatt ma sar xejn. Il-Kunsillieri qalu li dan iqajjem tħassib għal mod kif qed isiru l-affarjiet u jekk dan il-proġett hux xi wiegħda fierħa oħra ta’ qabel l-elezzjoni.  Għaldaqstant, il-Kunsillieri tal-PN jistaqsu;

  • X’permessi hemm biex isir dan il-proġett?
  • Meta se jibda’ dan il-proġett?
  • Meta se jitlesta’ dan il-proġett?
  • X’tip ta’ siġar se jitħawlu? Dawk endemiċi jew le?
  • Saru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali fl-aħħar jiem dwar dan? Jekk saru, il-għaliex mhux il-Kunsilliera kollha kienu konsultati?
  • Saru diskussjonijiet mar-residenti dwar dan il-proġett?

 Il-Kunsillieri tal-PN jfakkru wkoll kif il-Partit Soċjalista fil-Floriana vvotaw kontra mozzjoni biex l-Annex Building, binja li tagħmel parti minn dan il-ġnien, tkun mibdula f’dar tal-anzjani għall-Furjaniżi, u mhux talli hekk, talli l-Partit Soċjalista ried li jkun hemm żvilupp ta’ sular jew sulari fid-Dar tal-Anzjani preżenti b’qerda tal-estetika tal-bini tal-madwar.

Il-Kunsillieri tal-PN fil-Floriana appellaw lill-Gvern biex ma jingannax lill-Furjanżi b’wegħdi fierħa ta’ qabel l-elezzjoni għax il-Floriana jixraqilha ħarsien kontinwu matul is-sena kollha u mhux fil-perjodu partikolari ta’ qabel l-elezzjoni. 

Il-Kunsillieri qalu li l-PN fil-Floriana se jibqa’ joħroġ għonqu, u jitkellem biex jibqa’ tassew il-leħen tal-Floriana u ta’ kull Furjaniż tul is-sena kollha.