Lokali Saħħa

Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna akkużati b’konfoffa kriminali

Jappellaw għal inkjesta fil-konfront tal-VGH

F’rikors dettaljat, twil madwar 150 paġna, attivisti mis-soċjeta’ ċivili bl-għajnuna tal-avukat Jason Azzopardi qed jinsistu li għandha tinfetaħ inkjesta kontra Vitals filwaqt li akkużaw lill-Ministri Chris Cardona, Edward Scicluna u Konrad Mizzi b’konfoffa kriminali.

Vitals hija l-kumpanija li kienet akkwistat mingħand il-Gvern l-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Ir-rikors ġie preżentat fil-Qorti dalgħodu, u jiddeskrivi d-deal tal-Gvern mal-Vitals bħala “att ta’ piraterija moderna” – kuntratt li laħħaq mal-biljun ewro.

L-istess rikors jistaqsi għaliex il-Ministri tal-Gvern imbuttaw ‘il quddiem dan id-deal ma’ kumpanija li ma kellha l-ebda esperjenza fil-qasam mediku.

L-attivisti insistew li dan kollu sar bil-kompliċita’ ta’ Konrad Mizzi, Edward Scicluna u Chris Cardona.

Fi Frar tas-sena l-oħra, il-Kap tal-PN Adrian Delia kien fetaħ kawża l-Qorti biex il-kuntratt ta’ bejn il-Gvern u l-kumpanija Vitals, li permezz tiegħu nbiegħu t-tliet sptarijiet, jiġi ddikjarat null.