Formula 1 Sport

L-Olanda mistennija jerġa’ jkollha Grand Prix tal-Formula 1

Il-Grand Prix tal-Olanda mistenni jirritorna s-sena d-dieħla wara nuqqas ta’ 35 sena, bil-konferma ta’ din l-aħbar mistennija toħroġ illum. It-tellieqa mistennija ssir bejn it-8 u l-10 ta’ Mejju u mistennija tieħu post il-Grand Prix ta’ Spanja.

Il-kapijiet tal-Formula 1 qed jittamaw li ċ-ċirkwit ta’ Zandvoort iżid l-interess tal-Olandiżi hekk kif fil-preżent qed iżid il-popolarità tiegħu. Fit-tlielaq fl-Ewropa, qed ikun hemm attendenza numeruża mill-partitarji Olandiżi, bil-maġġoranza tagħhom jilbsu flokkijiet oranġjo.

Dan iċ-ċirkwit jinsab qrib Amsterdam u se jkun it-tieni ċirkwit li jiżdied fil-kalendarju tas-sena d-dieħla wara ż-żieda tat-tellieqa fit-triq fil-kapitali tal-Vjetnam, Hanoi. Jekk ma titneħħa l-ebda Grand Prix, ikun ifisser li s-sena d-dieħla jkun hemm rekord ta’ 23 tellieqa. Iżda bħalissa hemm ħames tlielaq li l-kuntratt tagħhom jintemm f’dan l-istaġun. Dawn huma t-tlielaq tal-Gran Britannja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Messiku u Spanja.

Ftit ġimgħat ilu tħabbar li l-Formula 1 laħqet ftehim fil-prinċipju biex iċ-ċirkwit ta’ Monza jibqa’ sal-2024 filwaqt li jinsabu viċin għal ftehim ġdid maċ-ċirkwit ta’ Silverstone. It-tliet ċirkwiti l-oħra potenzjalment jistgħu jispiċċaw din is-sena.

Riċentament tqajjem dubju wkoll dwar iċ-ċirkwit ta’ Interlagos, bil-President tal-Brażil jgħid li se jinbena ċirkwit ġdid f’Rio de Janeiro biex jieħu post dak f’Interlagos li ilu mill-1990. Il-Formula 1 qed tipprova tistabilixxi wkoll it-tieni tellieqa fl-Istati Uniti biex tiżdied ma’ dak f’Austin.