Ikomplu l-appelli tal-membri tal-Gvern Soċjalista Malti biex l-abort jittella’ fuq l-aġenda nazzjonali u jkun diskuss f’pajjiżna.
Mistoqsi minn dan is-sit, issa anke d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne iddikjara ruħu favur diskussjoni fuq dan is-suġġett meta qal li “kull suġġett li jitla’ fuq l-aġenda, għandu jiġi diskuss b’mod li hu san u matur.”
Dan l-għada li l-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li issa jrid diskussjoni dwar l-abort meta stqarr li “l-poplu jimmeritah li jiddiskutieh b’mod sobrju mingħajr ħafna sterjotipi.”
Chris Fearne hu l-istess persuna li fil-Parlament kien iddikjara li l-embrijun, kulma hu, tmien ċelloli.
It-tħassib tan-nies li l-abort jista’ jiddaħħal f’Malta beda mindu sar magħruf li dan hu inkluż fil-proposti tal-manifest tal-grupp tas-Soċjalisti Ewropej, li tagħhom il-Partit Laburista Malti hu membru.
Tħassib li kompla jiżdied ukoll wara li t-tliet Membri Parlamentari Ewropej Soċjalisti Maltin ivvutaw għal 16-il darba favur l-abort f’sentejn biss.
Minkejja dan, it-Tnejn il-Prim Ministru Joseph Muscat saħansitra ddikjara li dan it-tħassib tal-Maltin fuq l-abort hu biss ħmerija u ma kkundannax il-vot ta’ Marlene Mizzi, Alfred Sant u Miriam Dalli.