Lokali

“Bħala tabib ħadt ġurament li nippreserva l-ħajja u mhux noqtolha” – il-President George Vella

Fl-aħħar sigħat, kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u d-Deputat tiegħu Chris Fearne, iddikjaraw li jixtiequ diskussjoni nazzjonali dwar l-introduzzjoni tal-abort f’Malta.

Fid-dawl ta’ dan, Net News staqsa lill-President ta’ Malta George Vella jekk jaqbilx li tinfetah din id-diskussjoni.

“Soċjetà li, jew ma tirrispettax il-ħajja jew temmen fit-terminazzjoni jew il-qerda tal-ħajja, għalija la hi soċjetà progredità u mhix soċjetà progressiva,” iddikjara l-President ta’ Malta.

Bħall-Ministru Chris Fearne, anke l-President George Vella beda minn professjoni ta’ tabib. Fid-dawl ta’ dan ifakkar li hu, bħall-kumplament tat-tobba, kollha ħadu impenn u ġurament li jsalvaw il-ħajja “Se noqgħodu nduru bil-kliem. Dan hu qtil, assolutament. Jien, jekk xejn bħala tabib, ħadt ġurament li nippreserva l-ħajja u mhux noqtolha. Dik hi l-opinjoni tiegħi.”

Mill-ġdid, kif għamel fl-ewwel diskors tiegħu meta ħa l-ġurament ta’ President, George Vella għamilha ċara li hu lest jirriżenja basta ma jkunx hu li japprova l-introduzzjoni tal-abort f’Malta.

“L-opinjoni tiegħi hi ċara, jien assolutament ma naqbilx. Għidt ukoll li jekk kemm-il darba, Alla ħares qatt, jasal li jkun hemm xi deċiżjoni fil-Parlament li tiġi biex ikun hemm xi leġiżlazzjoni, jien ma niffirmahhiex anzi naqbad il-bagalja u nitlaq id-dar bil-kwiet,” stqarr George Vella.