Futbol Sport

Damir Skomina se jikkontrolla l-finali tal-UEFA Champions League

Damir Skomina se jikkontrolla l-finali tal-UEFA Champions League bejn Tottenham u Liverpool li se tintlagħab is-Sibt 1 ta’ Ġunju fil-Wanda Metropolitano ta’ Madrid. Skomina li għandu 42 sena, ilu referee internazzjonali mill-2002 se jkollu opportunità oħra li jikkontrolla logħba oħra ta’ livell.

Fil-passat hu kien ikkontrolla l-finali tal-UEFA Europa League fl-2017 bejn Ajax u Manchester United kif ukoll il-finali tal-UEFA Super Cup bejn Chelsea u Atletico Madrid fl-2012. Hu kien ukoll ir-raba’ uffiċjal fil-finali tal-UEFA Champions League fl-2013 bejn Borussia Dortmund u Bayern Munich. F’dan l-istaġun, Skomina kien referee f’erba’ logħbiet ta’ din il-kompetizzjoni f’dan l-istaġun kif ukoll referee ta’ żewġ logħbiet tal-UEFA Europa League.

Fil-finali, Skomina se jkollu l-għajnuna ta’ Jure Praprotnik u Robert Vukan bħala assistent referee. Ir-raba’ uffiċjal se jkun Antonio Mateu ta’ Spanja. Danny Makkelie tal-Olanda se jkun responsabbli mill-VAR bl-għajnuna ta’ Pol van Boekel, Felix Zwayer u Mark Borsch.