Sport Sport Ieħor

Federer bi kritika lejn l-organizzaturi tal-Open tal-Italja minħabba l-prezz tal-biljetti

(Ritratt: EPA)

L-għoxrin darba rebbieħ ta’ Grand Slam Roger Federer kellu kritika lejn l-organizzaturi tal-Open Taljan minħabba li rduppjaw il-prezzijiet tad-dħul wara li kien konfermat li se jilgħab. Federer li għandu 37 sena se jilgħab l-istaġun fuq it-tafal għall-ewwel darba mill-2016. “Għamluha b’mod li qishom taw premju lill-partitarji li xtraw il-biljetti qabel, li hi stramba. Nittama biss li din id-deċiżjoni ma tneħħiex il-fatt li ninsab kuntent ħafna li qiegħed hawn. Għandu jkun hemm attendenza u atmosfera tajba.”

Fl-aħħar dehra tiegħu f’Ruma tliet snin ilu, l-Iżvizzeru kien megħlub fit-tielet rawnd minn Dominic Thiem. Il-ġimgħa l-oħra, Thiem salva żewġ match points biex għeleb lil Federer u għadda għas-semifinali tal-Open ta’ Madrid. Minkejja t-telfa, Federer kien sodisfatt bil-prestazzjoni hekk kif qed iħares li f’Ġunju jirbaħ l-Open ta’ Franza għat-tieni darba. L-unika rebħa tiegħu fir-Roland Garros waslet għaxar snin meta kien għeleb lill-Iżvediż Robin Soderling.

F’Ruma, Federer jista’ jiltaqa’ kontra t-tmien darbiet rebbieħ Rafael Nadal fis-semifinali u kontra s-sid numru tmienja Stefanos Tsitsipas fil-kwarti tal-finali.

Tags