Formula 1 Sport

Il-Grand Prix tal-Olanda se tirritorna uffiċjalment fil-Formula 1 mis-sena d-dieħla

Wara spekulazzjonijiet li ssaħħew fl-aħħar jiem, l-aħbar li l-Formula 1 se jerġa jkollha Grand Prix fl-Olanda saret uffiċjali hekk kif ġie ffirmat kuntratt ta’ tliet snin li jibda mis-sena d-dieħla.

Iċ-chairman u Kap Eżekuttiv tal-Formula 1 Chase Carey qal minn meta ħa t-tmexxija dejjem qal li ried tlielaq f’postijiet ġodda filwaqt li jkunu rispettati l-għeruq tal-isport fl-Ewropa. Carey żied li fl-aħħar snin raw tkabbir fl-interess mill-Olanda, l-aktar minħabba s-sapport fl-Olandiż Max Verstappen u kompla li ma għandu dubju li l-kulur oranġjo se jiddomina fil-Grand Prix is-sena d-dieħla.

Il-President tal-FIA Jean Todt qal li dan iċ-ċirkwit hu twil, bi storja impressjonanti ta’ kompetizzjoni u sservi ta’ sfida għas-sewwieqa. “Issa hemm bżonn ta’ ħafna preparazzjoni biex iċ-ċirkwit jilħaq il-livelli meħtieġa ta’ sigurtà,” kompla Todt.

Il-Grand Prix tal-Olanda saret bejn l-1952 u l-1985 proprju fiċ-ċirkwit ta’ Zandvoort. Fl-ewwel Grand Prix kien ħareġ rebbieħ Alberto Ascari ta’ Ferrari li spiċċa biex rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja f’dik is-sena. Minbarra Ascari, kien hemm 19-il rebbieħ ieħor, tnax minnhom li rebħu l-Kampjonat tad-Dinja. F’dan iċ-ċirkwit għamel id-debutt Jim Clark li hu l-aktar sewwieq li rebaħ f’dan iċ-ċirkwit b’total ta’ erba’ tlielaq.

Inċidentalment li l-aħħar darba li saret Grand Prix f’dan iċ-ċirkwit fl-1985, kienet l-aħħar rebħa fil-karriera ta’ Niki Lauda. Fuq il-podju kienu spiċċaw Alan Prost li kien fit-tim tiegħu ma’ McLaren u Ayrton Senna fuq Lotus-Renault.