Lokali Parlament

Il-Gvern jaqbad u jaġġorna l-Parlament għal wara l-elezzjonijiet biex jevita diskussjoni dwar l-embrijuni

Illejla, il-Gvern qabad u aġġorna l-Parlament għal wara l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju li ġej. Dan hekk kif skont l-aġenda parlamentari, għada kellu jkun hemm diskussjoni dwar l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Jidher li l-Gvern ta’ Muscat ried jevita din il-diskussjoni u, bl-iskuża tal-għeluq tal-kampanja elettorali, qabad u ddeċieda li jaġġorna għal aktar minn ġimgħatejn oħra.

Minkejja li l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju ma jaffettwaw bl-ebda mod il-ħidma tal-Parlament Malti, għall-ewwel darba fl-istorja, il-Gvern impona dan l-aġġornament twil mingħajr konsultazzjoni.

Fil-fatt, kien il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri li ħabbar li kien qed jaġġorna x-xogħol tal-Kamra għat-Tlieta, 28 ta’ Mejju mingħajr ma din qatt kienet indikata waqt il-laqgħa tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra, li tlaqqa’ fil-jiem li għaddew.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li  lejliet is-seduta maqbula u skedata ġimgħa ilu fil-Kumitat Dwar ix-Xogħol tal-Kamra, dwar l-estimi tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, il-Gvern iddeċieda ħabta u sabta li jaġġorna l-Parlament għal wara l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju.

Il-PN qal li l-Gvern wera biċ-ċar li mhux komdu jiddiskuti s-suġġett qabel l-elezzjoni.