Il-Gvern Soċjalista jinsab f’paniku u hekk kif kienet se tibda d-diskussjoni dwar il-protezzjoni tal-embrijuni li huma kkunsidrati mill-Gvern bħala “tmien celloli” ħassar is-seduti tal-Parlament. Dan huwa gvern li ma jimpurtahx mill-interess tan-nies. Hekk qalu l-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Whip u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, l-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej Robert Cutajar u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, ċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina.
David Agius qal li l-Gvern Soċjalista għafas il-panic button għax għandu dahru mal-ħajt u jinsab f’paniku. Il-Gvern Soċjalista qed jaħrab minn dibattitu dwar il-ħajja u hassar kollox għal wara l-elezzjonijiet. David Agius qal li dan sar bla avviż u bla konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni u kontra dak li kien miftiehem fil-House Business Committee. David Agius qal li l-Gvern Soċjalista ħassar dibattiti importanti dwar il-protezzjoni tal-embrijuni, l-ippjanar u l-ambjent. Il-Gvern Soċjalista ħassar ukoll sitt seduti u l-mistoqsijiet parlamentari. Il-Gvern Soċjalista ċaħħad ukoll l-Oppożizzjoni minn seduta ddedikata lill-Oppożizzjoni, u qal li dan inaċċettabli f’demokrazija.
Robert Cutajar qal li dan hu każ bla preċedent u spjega li lanqas l-Uffiċċju tal-Ispeaker ma kien jaf. Dan juri nuqqas ta’ rispett lejn l-ogħla Istituzzjoni tal-pajjiż. Huwa wera skeda li ġiet maqbula b’mod uffiċjali bi qbil fis-6 ta’ Mejju mal-Whip tal-Gvern, u li l-Gvern mhux jonora. Qal li dan jibgħat messaġġ qawwi li d-demokrazija f’pajjiżna qed tiġi mhedda. Robert Cutajar qal li b’daqqa ta’ pinna ddecieda li jiġi jaqa’ u jqum minn sitt seduti li setgħu jitrattaw l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Karol Aquilina fakkar li l-ħidma fil-Parlament timxi bil-kunsens taż-żewġ naħat u kif wara li l-Gvern jiġi bl-aġenda tiegħu isir ftehim. Il-Gvern Soċjalista kien ta l-kelma tiegħu li jsir dibattitu fuq l-awtorità li tipproteġi l-embrijuni iżda kelmtu ma żammix. Karol Aquilina qal li dan huwa gvern li ma jżommx kellmtu u li hu ta’ għajb li lanqas mhu jżomm kellmtu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Huwa qal li dan il-każ huwa prova oħra ta’ gvern li ma jżommx kelmtu bħalma ma żammx kelmtu fuq il-ġlieda kontra l-faqar, il-meritokrazija, l-housing, l-ambjent, l-arja nadifa u l-problema tat-traffiku.
//= $special ?>