Futbol Sport

Manchester City b’riskju ta’ sospensjoni miċ-Champions League

Manchester City jistgħu qed jissugraw posthom fl-edizzjoni li jmiss tal-UEFA Champions League. Dan minħabba li bord tal-UEFA li qed jinvestiga l-allegazzjonijiet finanzjarji dwar il-klabb Ingliż, hu mistenni jirrakkomanda biex iċ-champions Ingliżi jingħtaw sena sospensjoni miċ-Champions League. Aktar kmieni din is-sena, il-UEFA fetħet investigazzjoni dwar irregolaritajiet finanzjarji fil-klabb iżda Manchester City ċaħdu u sostnew li l-akkużi huma kollha foloz.

Ir-rapport ħarġu minn New York Times, bil-klabb Ingliż jesprimi t-tħassib tiegħu dwar dawn ir-rapporti. Fi stqarrija li ħarġu, Manchester City qalu li qed jikkoperaw ma’ dan il-bord tal-UEFA fl-investigazzjoni li għadha għaddejja. Huma sostnew kif għamlu ftit xhur ilu li mhux se jikkumentaw aktar waqt li l-investigazzjoni għadha għaddejja. L-istess pożizzjoni ttieħdet mill-UEFA li qalu wkoll li mhux se jikkumentaw f’investigazzjoni miftuħa dwar aħbarijiet marbuta mal-Financial Fair Play.

Jekk Manchester City ikunu sospiżi, wieħed irid jara jekk is-sanzjoni tidħolx fis-seħħ mill-istaġun li ġej jew tkun mill-istaġun 2020/21 minħabba xi appelli li jista’ jkun hemm.

Fuq in-naħa l-oħra jekk l-esklużjoni tidħol fis-seħħ minn dan is-sajf, Arsenal jew Manchester United jistgħu jieħdu vantaġġ. Il-Gunners spiċċaw il-ħames fil-kampjonat u għalhekk f’dan il-każ jieħdu post City. Iżda jekk Arsenal jirbħu l-finali tal-Europa League kontra Chelsea, allura jista’ jmiss lil Manchester United li mingħajr mistenni jirbħu post fiċ-Champions League.

Dan kollu hu ipotetiku għaliex ikun jista’ jseħħ wara li tittieħed deċiżjoni dwar Manchester City.