Lokali

M’hemm xejn aktar xi jżomm lil Muscat milli jippubblika r-rapport tal-Maġistrat Bugeja

Wara li l-Qorti kkonkludiet li dan ir-rapport huwa ta' importanza u interess pubbliku

“Issa m’hemm xejn aktar xi jżomm lil Joseph Muscat milli jippubblika r-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja wara li l-Qorti kkonkludiet li dan ir-rapport huwa ta’ importanza u interess pubbliku. Minn xiex qed jibża’ Joseph Muscat biex għadu qed jaħbi dan ir-rapport?.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt attività politika fl-Imsida bit-tema Flimkien għal Pajjiżna. 

Adrian Delia qal li fetaħ kawża Kostituzzjonali fil-Qorti biex jikseb l-informazzjoni li għandu l-Partit Soċjalista, u li qed iżommha għandu biss sabiex ikollu l-kontroll bi żbilanċ favurih meta l-poplu għandu dritt għal din l-informazzjoni. Dan għaliex is-sentenza tal-Qorti tgħid b’mod ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Oppożizzjoni għandhom d-dmir li jkunu public watch dog fuq il-Gvern. Adrian Delia qal li l-Prim Ministru b’mod maħsub qal li jrid jippubblika r-rapport sħiħ biex ftit tas-sigħat wara l-Avukat Ġenerali qal li dan ir-rapport m’għandux jiġi ppubblikat. Huwa staqsa x’hemm fl-1,400 paġna tar-rapport biex qegħdin jaħbuh u biex il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jkunx jista’ jitkellem dwaru.

Adrian Delia qal li Joseph Muscat irid li niddibattu fuq l-abort wara li l-Partit Nazzjonalista kixef kif il-manifest tas-Soċjalisti Ewropej u Frans Timmermans jitkellem b’mod ċar li jridu jimponulna l-abort. Huwa qal li propju llejla fil-Parlament kelha ssir id-diskussjoni fuq il-protezzjoni tal-embrijun, iżda minflok il-Gvern Soċjalista għalaq il-Parlament għax ma jrid jiddiskuti xejn. Dr Delia qal li l-Gvern Soċjalista wara li ħataf l-istituzzjonijiet qed jipprova jaħtaf ukoll il-Parlament iżda mhux se jirnexxilu jagħlaq ħalq il-Partit Nazzjonalista li se jibqa’ jitkellem sakemm il-verità tasal għand il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Joseph Muscat għafas il-panic button u ma jridx jiddibatti fuq Xarabank dwar it-tniġġis tal-arja, l-ambjent li qed jinqered u ż-żieda fit-traffiku. Huwa reġa’ stieden lill-Prim Ministru biex jaċċetta l-istedina ta’ Xarabank u jiddibattu nhar il-Ġimgħa biex il-poplu jara min għandu l-aqwa ideat u min verament iħobb liż-żgħażagħ, il-ħaddiema u l-futur tal-pajjiż. Adrian Delia qal li fl-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju, il-poplu jista’ juri lill-Gvern li jrid ibiddel l-attitudni.