Sport Sport Ieħor

Roglic ikabbar il-vantaġġ fil-klassifika ġenerali tal-Giro d’Italia

(Ritratt: EPA)
Tom Dumoulin jaħbat lejn it-tmiem

Ħabta madwar ħames kilometri mit-tmiem temmet iċ-ċans li l-Olandiż Tom Dumoulin jirbaħ il-Giro d’Italia, fir-raba’ stadju ta’ aktar minn 235 kilometru bejn Orbetello lejn Frascati. Is-Sloven Primoz Roglic kabbar il-vantaġġ fil-quċċata fir-raba’ stadju li ntrebaħ minn Richard Carapaz.

Roglic ta’ Team Jumbo-Visma spiċċa fis-sitt post fl-istadju u kabbar il-vantaġġ fuq ir-rivali tiegħu b’16-il sekonda. Iżda Tom Dumoulin li rebaħ fl-2017 u spiċċa t-tieni s-sena l-oħra, waqa’ fl-art f’ħabta u qasam il-linja bl-għajnuna ta’ sħabu madwar erba’ minuti wara bid-demm ħiereġ mill-irkoppa tax-xellug. Wara dan l-inċident, il-parteċipazzjoni ta’ Dumoulin għall-kumplament tal-Giro d’Italia tinsab f’dubju.

Carapaz ta’ Movistar spiċċa rebbieħ bi sforz fl-aħħar telgħa u ddefenda l-pressjoni finali tal-Awstraljan Caleb Ewan li temm it-tieni. It-Taljan Diego Ulissi ta’ Team Emirates spiċċa t-tielet segwit mill-Ġermaniż Pascal Ackermann ta’ Bora-Hansgrohe u l-Franċiż Florian Senechal ta’ Deceuninck-Quick Step li daħal żewġ sekondi wara Roglic.

Roglic irnexxielu jkabbar il-vantaġġ fil-klassifika ġenerali fuq il-Britanniku Simon Yates għal 35 sekonda, b’Vincenzo Nibali jinsab erba’ sekondi wara Yates.