Atletika Sport

Titħabbar il-mewt ta’ wieħed mill-aqwa atleti tas-snin 70 Lawrence Darmanin

Tħabbret il-mewt tal-eks atleta Lawrence Darmanin fl-età ta’ 60 sena. Fis-snin 70 kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa atleti f’pajjiżna. F’Ġunju tal-1976, f’wieħed mill-ewwel impenji internazzjonali tiegħu fi Bruges, fil-Belġju, Darmanin rebaħ il-midalja tad-deheb fl-400 metru f’50 sekonda fil-Logħob tal-FISEC. Fi Bruges hu kien ħa sehem ukoll fil-100 metru u spiċċa fit-tmien post.

Għal bosta snin, Darmanin iddomina l-Kampjonati Nazzjonali. Fl-1978 kien rebaħ l-400 metru f’49.7 sekonda filwaqt li kiser ir-rekord nazzjonali tat-800 metru f’ħin ta’ żewġ minuti u disa’ sekondi. Fl-1979, kien nominat mill-Malta Amateur Athletics Association għall-edizzjoni tal-Isportivi Nazzjonali għas-sena 1978. Hu kien spiċċa fit-tielet post f’edizzjoni li kienet intrebħet Pawlu Mifsud.