Futbol Sport

Wara 18-il sena De Rossi kostrett li jispiċċa minn ma’ Roma imma jrid ikompli jilgħab

Il-konfront tal-Ħadd li ġej bejn Roma u Parma fi Stadio Olimpico se tkun l-aħħar logħba għal Daniele De Rossi hekk kif il-kuntratt tiegħu mhux se jiġġedded fi tmiem l-istaġun.

Fil-konferenza stampa kienu preżenti wkoll il-plejers ta’ Roma li libsu flokk b’isem De Rossi kif ukoll b’simbolu infinit minflok in-numru. “L-aħbar ġiet ikkomunikata lbieraħ. Għandi 36 sena u naf kif imorru l-affarijiet jekk ħadd ma jkellmek f’dawn l-għaxar xhur. Inħossni plejer u rrid nilgħab, għadni ma naf xejn.”

Hu qal li d-deċiżjoni tiegħu li jibqa’ leali lejn il-klabb ma kien jibdilha qatt filwaqt li kellu kliem ta’ tifħir għall-partitarji. “Kien hemm tlieta jew erba’ snin li fihom stajt mort ma’ timijiet li setgħu jirbħu aktar minn Roma.” De Rossi qal li togħġbu l-karriera ta’ kowċ u saħaq li jrid jistudja u jitgħallem. Hu żied l-irwol ta’ diriġent ma jattirahx iżda kompla li ma’ Roma jista’ jkollu sens differenti.

Il-midfielder żied li prova jipprepara mentalment għal ġurnata li kien se jispiċċa. “Ma kontx inkun kuntent lanqas kieku għażilt jiem. Hi normali li jkun hemm ftit distakk għaliex ridt inkompli. Ridt naċċetta inkella nitfa’ lili nnifsi f’sentiment ħażin. L-Amministratur Delegat tal-klabb Guido Fienga qal li wera x-xewqa li De Rossi jingħaqad magħhom bħala Viċi Kap Eżekuttiv iżda hu rrifjuta, b’Fienga jgħid li l-offerta tibqa’ miftuħa għalih.

De Rossi daħal fis-settur taż-żgħażagħ ta’ Roma fis-sena 2000 u l-ewwel logħba uffiċjali tiegħu waslet fit-30 Ottubru 2001 fid-draw ta’ 1-1 kontra Anderlecht fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League. Hu għamel id-debutt fis-Serie A fil-25 ta’ Jannar 2003 fit-telfa ta’ 2-0 ta’ Roma kontra Como. Fit-18-il sena li għamel jilgħab mal-klabb, De Rossi lagħab 615-il logħba u skorja 63 gowl u hu t-tieni l-aktar plejer fl-istorja tal-klabb li lagħab ma’ Roma wara Francesco Totti.

Mat-tim tal-kapitali Taljana, De Rossi rebaħ darbtejn il-Coppa Italia fl-2007 u fl-2008 u darba s-Supercoppa Italiana fl-2007 meta kien skorja l-gowl deċiżiv kontra Inter. De Rossi hu r-raba’ l-aktar plejer li lagħab mat-tim nazzjonali Taljan b’total ta’ 117-il logħba. Hu pparteċipa fi tliet edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja, tliet edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew u f’żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet. Tispikka żgur l-edizzjoni tal-2006 meta De Rossi kien parti importanti mit-tim Taljan li rebaħ it-Tazza tad-Dinja.

Tags