Kważi sena wara li l-Maġistrat Aaron Bugeja temm l-inkjesta tiegħu dwar il-kumpanija sigrieta Egrant, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu qed iwebbes rasu u jżomm ir-rapport tal-inkjesta moħbi. Minn xiex qed jibża’ Joseph Muscat? X’qed jaħbi Joseph Muscat? The case is still open, u nibqgħu ninsistu li l-Prim Ministru jippubblika r-rapport kollu llum qabel għada.
Dan qalu d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Membru tal-Parlament Ewropew u Kap tad-Delgazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, kif ukoll mill-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Marsaskala Errol Cutajar.
Jason Azzopardi qal li d-deċiżjoni tal-Qorti llum tikkonferma li r-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja hi fl-interess pubbliku u li l-poplu Malti u Għawdxi għandu d-dritt li jkun jaf x’inhu l-kontenut tal-1,400 paġna tar-rapport. “Il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament, permezz tal-Kap Adrian Delia, qed jinsisti li jitwaqqaf Kumitat Parlamentari li jagħmel rakkomandazzjonijiet biex f’Malta terġa’ tirrenja s-saltna tad-dritt, u dan skont kif qed jgħidu d-diversi rapporti ppubblikati fl-aħħar xhur, fosthom tal-Greco, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kummissjoni Venezja, u tal-Moneyval. Il-Prim Ministru, iżda, baqa’ ma laqax minn din l-isfida. Għalfejn qed jibża’ l-Prim Ministru? Minn xiex qed jibża’ l-Prim Ministru?,” staqsa Jason Azzopardi.
Minn naħa tiegħu, David Casa qal li l-problema fil-pajjiż hi li l-Prim Ministru ħataf l-istituzzjonijiet kollha biex flok jiddefendu u jipproteġu lill-poplu Malti u Għawdxi, dawn l-istituzzjonijiet jaqdu u jipproteġu lilu u lil dawk viċin tiegħu. “Minn naħa tagħna, l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled biex f’Malta terġa’ tibda tirrenja d-demokrazija u s-saltna tad-dritt,” qal David Casa.
David Casa qal li l-Prim Ministru ma jistax jittieħed bis-serjetà għaliex qatt ma jżomm kelmtu. “Muscat wiegħed li se jkeċċi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi jekk dawn ikunu taħt investigazzjoni kriminali. Issa li għandna konferma li qed jiġu investigati kriminalment, il-Prim Ministru, flok keċċiehom, kompla jiddefendihom,” qal David Casa. Hu qal li l-Prim Ministru baqa’ jiddefendi lill-Bank Pilatus li tneħħietlu l-liċenzja wara xhur ta’ insistenza tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll baqa’ jiddefendi lil Ali Sadr Hasheminejad li qed jiġi investigat fl-Istati Uniti bil-possibilità li jeħel sentenza ta’ 125 sena ħabs.
Errol Cutajar qal li s-sentenza tal-Qorti hi ċara u tiddeskrivi l-kontenut tar-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja bħala ta’ ‘interess pubbliku’ u ta’ ‘importanza pubblika’. Għalhekk, sostna Errol Cutajar, dan ir-rapport għandu jiġi ppubblikat b’mod sħiħ mill-aktar fis possibbli.