Futbol Sport

Atalanta jfittxu l-ewwel unur wara 56 sena

(Ritratt: Lega Serie A)

Atalanta għandhom ċans li jiktbu paġna storika fil-klabb hekk kif illum jilagħbu l-finali tal-Coppa Italia kontra Lazio. L-unika darba li Atalanta rebħu unur kien fl-1963 u l-aħħar prestazzjonijiet jindikaw li realment jistgħu jirbħu l-Coppa Italia għat-tieni darba. Huma ilhom mill-aħħar ta’ Frar mingħajr telfa u jinsabu fir-raba’ post fis-Serie A. Ftit jiem ilu huma għelbu lil Lazio fil-kampjonat 3-1, xhieda tal-potenzjal tagħhom. Din se tkun l-ewwel darba li se jilagħbu kontra Lazio fil-Coppa Italia mill-2008.

Lazio fuq in-naħa l-oħra rebħu l-Coppa Italia sitt darbiet, bl-aħħar darba tkun sitt snin ilu. Bħalissa fis-Serie A jinsabu fit-tmien post u għalhekk għandhom inċentiv doppju f’din il-logħba biex jassiguraw posthom fl-Europa League. Lazio ilhom ma jirbħu kontra Atalanta minn Jannar tal-2017 u meta wieħed iqis il-forma taż-żewġ timijiet, Atalanta jistgħu jitqiesu ftit favoriti. Iżda Lazio għandhom aktar esperjenza ta’ dawn il-logħbiet u dan il-fatt jista’ jilgħab parti importanti mill-finali.

Gian Piero Gasperini se jkun mingħajr id-difensur Rafael Toloi, b’Duvan Zapata mistenni jkollu l-appoġġ ta’ Alejandro Gomez u Josip Ilicic. Simone Inzaghi għandu dubjuż lil Sergej Milinkovic-Savic filwaqt li l-gowlkiper Thomas Strakosha mistenni jitlef il-logħba flimkien ma’ Jordan Lukaku u Valon Berisha.