Birkirkara kisbu t-tielet doppjetta konsekuttiva wara li għelbu lil Mġarr United 2-0 fil-finali tan-knock-out li ntlagħbet it-Tlieta filgħaxija fiċ-Charles Abela Stadium. Il-gowls minn Stephania Farrugia u Ann-Marie Said fl-ewwel taqsima kienu d-differenza bejn iż-żewġ timijiet u taw lil Birkirkara il-15-il suċċess fil-kompetizzjoni.
Fil-bidu tal-logħba t-tnejn kellhom l-okkażjoni tagħhom. Janice Xuereb salvat xutt mill-viċin taż-żagħżugħa ta’ Mġarr Haley Bugeja filwaqt li fuq in-naħa l-oħra Kailey Willis kellha okkażjoni tajba lejn il-lasta avversarja iżda ġiet iġġudikata li kienet f’pożizzjoni ta’ offside. Birkirkara bdew iżidu l-pressjoni u fit-18-il minuta fetħu l-iskor b’daqqa ta’ ras tal-captain Stephania Farrugia li għaliha kien il-100 gowl fi 300 logħba. Mġarr wieġbu mill-ewwel b’xutt ta’ Roxanne Micallef li kien salvat minn Xuereb.
L-Istripes marru viċin li jirduppjaw man-nofs siegħa logħob iżda t-tentattiv tagħhom kien imbiegħed minn fuq il-linja. Madankollu Birkirkara rduppjaw fil-35 minuta, b’Ann-Marie Said tiskorja bir-ras minn free-kick ta’ Farrugia. Mġarr pruvaw jidħlu fil-logħba fit-tieni taqsima iżda sabu l-gowlkiper avversarja attenta biex salvat konklużjonijiet ta’ Roxanne Micallef u Haley Bugeja. Birkirkara marru viċin b’xutt ta’ Ylenia Carabott li kien salvat.
Fi tmiem il-logħba, wieħed mill-Viċi President tal-MFA Ludovico Micallef ippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Birkirkara Stephania Farrugia li għolliet it-trofew fost il-ferħ tal-kumplament tat-tim.
//= $special ?>