Sport Sport Ieħor

Caroline Wozniacki u Serena Williams jirtiraw mill-Open tal-Italja

(Ritratt: AP)

It-tlieta u għoxrin darba rebbieħa ta’ Grand Slam Serena Williams qed tippjana biex tikkompeti fl-Open ta’ Franza minkejja li ħabbret li se tirtira mill-Open tal-Italja wara li weġġgħet l-irkoppa. L-Amerikana ta’ 37 sena kellha tilgħab kontra oħtha Venus Williams fit-tieni rawnd iżda qalet li se tikkonċentra biex tirkupra. “Inħares li narakom kollha fl-Open ta’ Franza u s-sena d-dieħla f’Ruma,” qalet Williams.

L-eks numru wieħed tad-dinja Caroline Wozniacki wkoll irtirat mill-Open tal-Italja. Wozniacki li għandha 28 sena, irtirat mil-logħba tal-ewwel rawnd kontra l-Amerikana Danielle Collins wara li kienet tilfet l-ewwel set 7-6. Dan hu t-tieni tournament konsekuttiv li d-Daniża kienet sfurzata li tirtira kmieni. Minħabba li Wozniacki rtirat, fit-tieni rawnd tal-Open tal-Italja Collins tilgħab kontra Garbine Muguruza. Aktar kmieni dan ix-xahar, Wozniacki kienet 3-0 minn taħt kontra Alize Cornet fl-ewwel rawnd tal-Open ta’ Madrid iżda kellha tirtira minħabba li weġġgħet darha.

L-Open ta’ Franza jibda fis-26 ta’ Mejju, b’Williams qed tfittex ir-raba’ titlu filwaqt li Wozniacki qatt ma qabżet l-istadju tal-kwarti tal-finali.