Futbol Sport

Emiliano Lattes jirbaħ il-GFA Plejer tax-Xahar għal April

Il-plejer ta’ Victoria Hotspurs Emiliano Lattes rebaħ il-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal April. L-Arġentin ingħaqad ma’ Victoria Hotspurs fil-bidu tal-istaġun li għadda u kien pedina importanti fit-tim immexxi minn Gotthard Conti li għat-tieni staġun konsekuttiv rebaħ il-kampjonat u t-Tazza GFA.

Fl-erba’ logħbiet li lagħbu f’April, Victoria Hotspurs ħarġu rebbieħa fil-logħbiet kollha. Lattes skorja l-gowl deċiżiv biex Victoria Hotspurs rebħu 2-1 kontra SK Victoria Wanderers kif ukoll skorja l-ħames gowl fir-rebħa kbira ta’ 7-2 li kellhom fuq Xewkija Tigers biex assiguraw il-kampjonat. Lattes skorja wkoll ir-raba’ gowl fir-rebħa ta’ 4-2 li kellhom fuq Nadur Youngsters fl-aħħar logħba tal-kampjonat.

L-Uffiċjal Kap tal-BOV Horace Laudi ppreżenta t-trofew lil Lattes fi tmiem il-finali tat-Tazza GFA li Victoria Hotspurs rebħu 3-2 kontra Nadur Youngsters, bil-midfielder jiskorja l-gowl tar-rebħa. Lattes għażel il-Fondazzjoni Arka biex tibbenefika mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.