Futbol Sport

Griezmann jiddeċiedi li se jħalli lil Atletico Madrid fis-sajf li ġej

Antoine Griezmann se jkun qed iħalli lil Atletico Madrid fis-sajf li ġej wara li stqarr id-deċiżjoni tiegħu lill-klabb. F’messaġġ fuq is-sit uffiċjali tal-klabb, l-attakkant qal li kienu ħames snin inkredibbli, irringrazzja lil kulħadd ta’ kollox u qal li se jżommhom f’qalbu.

Din id-deċiżjoni mistennija twitti t-triq biex Griezmann jingħaqad ma’ Barcelona. Il-Katalani ilhom interessati f’Griezmann mis-sajf li għadda u l-ispekulazzjoni kibret wara li Barcelona kienu eliminati fis-semifinali tal-UEFA Champions League minn Liverpool. Jidher li Barcelona huma lesti li jħallsu l-klawsola ta’ Griezmann li tammonta għal €125 miljun.

Is-sajf li għadda Griezmann f’dokumentarju ta’ nofs siegħa fuq l-istazzjon Spanjol Movistar, kien żvela mal-partitarji li se jkompli ma’ Atletico Madrid. Griezmann kien strumentali biex Franza rebħet it-Tazza tad-Dinja fejn skorja erba’ gowls fl-istess edizzjoni.

Hu kien ingħaqad ma’ Atletico Madrid fl-2014 mingħand Real Sociedad u mat-tim immexxi minn Diego Simeone rebaħ is-Super Cup Spanjola, is-Super Cup Ewropea u l-Europa League. F’dan l-istaġun, Atletico Madrid se jtemmu l-kampjonat fit-tieni post u kienu eliminati fl-aħħar 16 tal-UEFA Champions League.