Sitwazzjoni mill-aktar inkwetanti mill-ġdid fil-Bank Ċentrali ta’ Malta meta qed tkompli tikber sfaċċatament il-firda bejn ħaddiema Laburisti veterani fil-Bank Ċentrali u ħaddiema Laburisti ġodda li qed jiġu aġevolati.
Ħaddiema Laburisti veterani li tkellmu ma’ In-Nazzjon bil-patt tal-kunfidenzjalità, qalulna li fl-aħħar żminijiet fil-Bank Ċentrali komplew jiddaħħlu ħaddiema Laburisti viċin ċerti Ministri u dawn ingħataw kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar milli għandhom huma.
Dawk li tkellmu ma’ In-Nazzjon komplew li huma għandhom rabja kbira għall-fatt li sfaċċatament spiċċaw inqabżu minn dawn il-Laburisti ġodda. Dan sar kemm permezz ta’ promozzjonijiet li nħarġu fl-aħħar żminijiet reċenti, kif ukoll billi ċerti persuni Laburisti ġodda ngħataw ħatriet diretti u għalhekk qabżu lil min kien imissu dawn it-tali rwoli.
Is-sitwazzjoni attwali hi delikata ħafna bejn l-istess Laburisti f’dan il-post tax-xogħol sensittiv fejn filwaqt li l-ħaddiema Nazzjonalisti huma għalkollox injorati, imwarrba u mhux fdati, issa qed temerġi sitwazzjoni ta’ anomożità bejn il-Laburisti li jqisu lilhom infushom veterani fil-Bank Ċentrali u dawk li għadhom ġejjin ilbieraħ u li jippretendu li għalihom ma jista’ ħadd, inkluż il-Laburisti antiki fil-Bank Ċentrali.
Dawk li tkellmu ma’ In-Nazzjon ammettew magħna li t-Tmexxija tal-Bank Ċentrali mhix timxi b’mod ġust mal-impjegati u għandha ċerti aġendi li qed timxi fuqhom b’deċiżjonijiet jittieħdu f’ċerti uffiċċji u ħadd ma jkun ikkonsultat.
“Is-sitwazzjoni hawnhekk hi waħda għalkollox vertikali… iżda kollox minn fuq għal isfel u b’ton ta’ kmand u b’ton li kollox hu mfassal u lest u allura min jirċievi l-ordni jrid jaderixxi magħha, jobdi tali ordnijiet u jwettaqhom bla kliem jew kummenti,” qalilna Laburist veteran li ammetta wkoll li għalkemm hu ilu jimmilita fil-Bank Ċentrali qatt ma jaf li l-affarijiet kienu jsiru b’dan il-mod arbitrarju li bih qed isiru l-affarijiet fl-aħħar ġimgħat u fil-preżent.
Dan qalilna li fil-Bank Ċentrali hemm proċess dwar ċerti promozzjonijiet u “aħna nafu tajjeb li dawn huma magħġuna għal ċerti Laburisti li ddaħlu fil-Bank Ċentrali mhux daqstant snin ilu.”
Dawn qalulna wkoll li l-votazzjoni sigrieta li saret reċentement għall-ħaddiema fil-Bank Ċentrali dwar il-kundizzjonijiet il-ġodda tal-ħaddiema ma għaddietx għas-sempliċi raġuni li minn qiegħed imexxi l-Bank qed jimxi skont l-uċuħ u mhux jagħti kas is-seniority jew il-kapaċitajiet tal-ħaddiema.
“Nista’ ngħid li minn kull promozzjoni n-Nazzjonalisti huma mwarrba mill-ewwel u allura mbagħad jifdal lilna l-antiki kontra l-ġodda… iż-żewġ faxex mill-kamp Laburista… u finalment il-ġodda qed jaqilgħu lilna u aħna ninsabu urtati u ddispjaċuti ħafna,” qalulna dawk li tkellmu magħna.
//= $special ?>