Bħal f’kull lokalità, anke f’Tal-Pietà, il-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali jridu jagħtu l-impenn tagħhom b’risq ir-residenti, filwaqt li jagħmlu d-differenza għall-aħjar.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara fost ir-residenti u s-sidien tal-ħwienet f’Tal-Pietà. Preżenti wkoll il-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, il-Kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight u Dione Borg, kif ukoll il-Kandidati għall-elezzjoni lokali.
Adrian Delia kompla li għalkemm hi lokalità żgħira, Tal-Pietà għandha bżonn ħidma b’konvinzjoni, li kapaċi jwettquha biss il-Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Hu semma’ għadd ta’ bżonnijiet li semmewlu l-Pjetaniżi, fosthom il-bżonn ta’ Day Care Cantre, li ilu jintalab għal dawn l-aħħar snin. Dwar dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif waħda mill-proposti tal-Partit f’Tal-Pietà hi l-bini tad-Day Care Centre.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-isfidi tan-nuqqas dejjem jikber ta’ sigurtà, partikolarment fost l-anzjani u l-persuni vulnerabbli. Hu għalhekk li Kunsill ġdid immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista jagħti prijorità lis-sigurtà, b’installazzjoni ta’ kameras tas-sigurtà.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar postijiet ta’ interess f’Tal-Pietà, fosthom Villa Guardamangia u l-ġnien imsejjaħ Torpedo Depot.
Filwaqt li dwar Villa Guardamangia, qal li hi ħasra li din il-binja storika tħalliet għal riħha, tant li l-Gvern wiegħed biss iżda baqa’ qatt ma rranġaha, fil-ġnien magħruf bħala Torpedo Depot il-maġġorparti tal-investiment sar mill-privat u l-Kunsill Lokali Laburista ħalla dan il-ġnien fi stat ta’ abbandun.
//= $special ?>