Il-Partit Nazzjonalista llum ippreżenta 20 proposta konkreta sabiex noffru aktar servizzi lid-dijabetiċi biex dawn jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar u biex inwaqqfu ż-żieda fl-inċidenza tad-dijabete li qegħda dejjem tiżdied.
Hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar id-Dijabete Mario Galea, l-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Mercieca waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali.
Id-dokument bil-proposti konkreti dwar id-dijabete jinkludi erba temi: l-prevenzjoni biex nilqgħu minn kmieni, servizzi tal-aqwa kwalità, r-riċerka u t-tmexxija tajba fil-qasam tad-dijabete. Il-proposti jinkludu żieda ta’ diabetes nurses fil-komunità, jingħataw continuous glucose monitors kemm lit-tfal u l-adulti, li jiżdiedu mediċini importanti għad-dijabetiċi fil-formularju nazzjonali, li jkun hemm servizz ta’ screening fis-saqajn b’mod strutturat, aktar dieticians fil-klinika tad-dijabete, aktar investiment fir-riċerka u evalwazzjoni tal-istrateġija nazzjonali tad-dijabete.
Mario Galea qal li l-Partit Nazzjonalista ilu għaddej b’kampanja u jagħmel pressjoni biex il-Gvern jagħti continuous blood glucose monitors (CGM) u l-Gvern fl-aħħar iċċaqlaq u qal li se jagħtihom lit-tfal iżda sfortunatament sal-lum baqa’ ma tahhom xejn, meta dawn huma ferm important u b’ħafna vantaġġi ghal persuni li jgħixu bid-dijabete. Huwa qal li studji xjentifiċi juru li id-diabetes specialists nurses jistgħu jgħinu biex tonqos ir-rata tal-amputazzjonijiet li għadhom għoljin u jnaqqsu l-bżonn li l-pazjenti jkollhom bżonn jidħlu l-isptar.
Francis Zammit Dimech spjega wkoll dwar il-bżonn li jkun hemm reġistru estensiv tad-dijabete li jinkludi l-pazjenti kollha. Dan hu krucjali biex jittiehdu decizjonijiet mill-professjonisti, mir-ricerkaturi u mill-politici ibbazata fuq informazzjoni koretta. Huwa qal li fl-aħħar sentejn għamel bosta appelli lill-Gvern u kien biss wara dawn l-appelli persistenti li l-Gvern waqqaf il-Kumitat Parlamentari fuq id-Dijabete, daħħal diabetes nurse f’Għawdex u qal li se jipprovdi CGM b’xejn lit-tfal, għalkemm din il-wegħda baqgħet ma twettqitx. Huwa qal li pazjenti u spiżjara kienu qed jilmentaw dwar il-magni ġodda li l-Gvern qassam fl-aħħar xhur lid-dijabetiċi, hekk kif dawn bdew jimmarkaw livelli għoljin jew tiġrilhom il-ħsara malajr.
Michael Mercieca qal li l-Maltin u l-Għawdxin għadhom qed jaffaċċjaw mard u mwiet kawża tad-dijabete u mard ieħor, li l-għeruq insibuh fil-mod kif ngħixu, fl-ambjent u l-istili tal-ħajja. Huwa qal li d-deċiżjonijiet dwar is-saħħa huma l-ewwel u qabel kollox responsabbiltà tal-Gvern iżda l-Unjoni Ewropea wkoll tista tgħin biex intejbu l-istandards, għalhekk l-MEPs li se jiġu eletti ghall-PN jinsabu kommessi bil-proposti fil-manifest elettorali sabiex fost l-oħrajn ikun hemm skambju ta’ informazzjoni bejn l-istati membri biex jindirizzaw sfidi fil-qasam tas-saħħa inkluż l-użu ta’ reġistri tad-dijabete. Dan jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet konkreti f’termini ta’ prevenzjoni, riċerka u kura.
Prezenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Mentali, d-Dimenzja, l-Kura fil-Komunità, d-Dijabete, u d-Drittijiet tal-Annimali Mario Galea, l-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Mercieca, kien hemm preżenti wkoll il-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħ’Attard Remigio Bartolo u l-kandidat għall-elezzjoni lokali fl-Imsida Charles Selvaggi.
