Lokali

Il-PN impenjat fil-ġlieda kontra l-kanċer permezz ta’ master plan Ewropew

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar li l-Gvern se jżid aktar mediċini tal-kanċer fuq il-formularju nazzjonali. Bosta persuni jirnexxilhom jegħlbu l-kanċer u dan ifisser li b’aktar investiment u impenn nistgħu nsalvaw aktar ħajjiet. F’dan il-qasam għandu bżonn jkun hemm impenn sabiex l-awtoritajiet jipprovdu mediċina tal-aqwa kwalità u l-provvista kontinwa tagħha.

Hekk stqarr il-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputat Stephen Spiteri u l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.

Il-Partit Nazzjonalista qal illi huwa impenjat li jaħdem ukoll fuq livell Ewropew biex jinċentiva żvilupp ta’ mediċina inkluż għall-kanċer li jolqot lit-tfal.

F’dan ir-rigward il-PN se jimbotta sabiex ikun hemm aktar investiment fir-riċerka fil-qasam tal-kanċer. Il-PN diġà ppreżenta dokument bi 30 proposta biex insahħħu l-ġlieda kontra l-kanċer li kien jinkludi aspetti relatati mal-prevenzjoni, l-kura u l-governanza. Il-Partit Nazzjonalista se jieħu dawn il-proposti fuq livell Ewropej permezz ta’ master plan Ewropew tal-kanċer.

Dan il-pjan jinkludi strateġija Ewropea biex intejbu b’mod qawwi l-prevenzjoni, strateġija biex intejbu dijanjożi tal-kanċer fi stadju bikri, niffaċilitaw skambju ta’ informazzjoni bejn ċentri għar-riċerka u tas-saħħa madwar l-Ewropa billi nagħmlu użu mill għodda diġitali filwaqt li nassiguraw privatezza tal-pazjenti, naċċertaw l-ogħla livell fiċ-ċentri tal-kura tal-kanċer, u ngħinu aktar lill-pazjenti kemm waqt it-terapija kif ukoll wara li jegħlbu l-kanċer.