Formula 1 Sport

Mercedes itemmu wkoll it-tieni ġurnata tat-testijiet fil-quċċata

(Ritratt: telenord.it)

Nikita Mazepin kien l-aktar sewwieq veloċi fid-debutt tiegħu fuq Mercedes, hekk kif iċ-champions tad-dinja spiċċaw it-testijiet ukoll fil-quċċata. Mazepin li hu sewwieq Russu tal-Formula 2 u waqt it-testijiet saq ukoll ma’ Racing Point, spiċċa bl-aħjar ħin ta’ 1:15.775 fuq l-aktar sett ta’ tyres soft f’Barcelona. Dan il-ħin hu 0.2 ta’ sekonda mill-aħjar ħin ta’ Valtteri Bottas fl-ewwel ġurnata. Hu rkupra wara li kien tilef il-kontroll u wassal biex is-sessjoni twaqqfet parzjalment.

Alexander Albon spiċċa t-tieni fuq Toro Rosso 1.3 sekonda wara Mazepin bl-istess sett ta’ tyres filwaqt li Antonio Fuoco u Charles Leclerc fuq Ferrari kienu sekonda u nofs bogħod mill-quċċata. Ferrari jittamaw li jsibu s-soluzzjonijiet tal-problemi li kellhom fil-bidu tal-istaġun hekk kif Mercedes rebħu l-ħames tlielaq sa issa.

Kimi Raikkonen ta’ Alfa Romeo u Jack Aitken ta’ Renault kienu l-uniċi sewwieqa l-oħra li kienu b’distakk ta’ anqas minn żewġ sekondi minn Mazepin. Minbarra l-ewwel ħamsa, Kevin Magnussen ta’ Haas u Lance Stroll ta’ Racing Point kienu l-uniċi sewwieqa li għamlu aktar minn 100 dawra. Il-kampjonat tal-Formula 1 ikompli il-ġimgħa d-dieħla bil-Grand Prix ta’ Monaco.