Lokali Rugby Sport

Plejers u dilettanti tar-rugby jibqgħu b’xejn

Azzjoni waqt attakk ta' Stompers (Ritratt: Zara Ameen)

Bħal ma baqgħu b’xiber imnieħer id-dilettanti tal-motorsport, l-istess ġralhom dawk tar-rugby.

L-10 timijiet tar-rugby f’pajjiżna, kif ukoll dawk kollha dilettanti ta’ dan l-isport, ġew imwegħda stadium ġdid għall-isport tagħhom bħala parti minn proġett ta’ €2.2 miljun.

Il-wegħda, saret eżatt bħal daż-żmien sentejn. Ġimgħa qabel l-elezzjoni tal-2017.

Iżda żjara fuq is-sit fejn kellu jsir dan il-proġett, turi ċar li din kienet biss wegħda magħmula bl-iskop li jinġabaru l-voti. Dan għaliex dan is-sit li jinsab bejn l-istadium tal-Hibernians u l-istadium tal-Hockey, baqa eżatt fl-istess stat dilapidat u mitluq li kien fih sentejn ilu. Is-sit lanqas biss ġie mnaddaf bi preparazzjoni għax-xogħlijiet li suppost bdew isiru fuqu.

L-assoċċjazzjoni tar-rugby qed issib ruħha f’pożizzjoni li għal kull logħba internazzjonali, ikollha tikri l-grawnd tal-football tal-Hibs, bi spiża ta’ madwar €3000 fis-sena.

Il-Partit Laburista, fl-aħħar żewġ manifesti elettorali tiegħu għamel pataflun wegħdi għall-qasam tal-isport, u f’dak tal-2017 jgħid li “Gvern ġdid impenjat li jwettaq diversi proġetti b’risq diversi dixxipplini sportivi differenti”

Imma mil-lista twila u sabiħa ta’ wegħdi, ftit li xejn sar – bit-trakka, u l-istadium tar-rugby u tal-football f’Għajn Dwieli jibqgħu biss kliem fuq manifest elettorali.