Se ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji b’ħidma intensiva fil-Parlament Ewropew

Il-familja hija verament ta’ importanza għall-Partit Nazzjonalista, u dan jixhduh id-diversi inizjattivi, liġijiet u direttivi li ħadmu fuqhom l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista fil-ħames snin li għaddew.

Madanakollu, għad baqa’ ħafna setturi fejn il-familji Maltin u Għawdxin għadhom lura meta mqabbla ma’ dawk Ewropej u l-MEPs eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju se jkunu qed jaħdmu biex jassiguraw li l-liġijiet, direttivi u inizjattivi li jittieħdu fuq livell Ewropew iwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin. Fejn qed ifalli l-Gvern, se jkun qed jidħol il-Partit Nazzjonalista permezz tal-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Robert Arrigo waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ddedikat lill-Familji. Għall-konferenza tal-aħbarijiet, Robert Arrigo kien akkumpanjat mis-Segretarja Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius.

Robert Arrigo ġab eżempju bid-direttiva tal-work life balance li kienet innegozjata mill-MEP tal-PN David Casa. “MEP tal-Partit Nazzjonalista kien strumentali biex f’Malta jidħol leave ġdid biex il-ġenituri jqattgħu aktar ħin ma’ uliedhom. Din hi l-kredibilità tal-Partit Nazzjonalista. Aħna fil-Parlament Ewropew naġixxu u nġibu r-riżultati,” qal Robert Arrigo. Hu semma wkoll il-master plan Ewropew biex niġġieldu l-ġlieda kontra l-kanċer li qed jimbotta l-MEP Francis Zammit Dimech. Semma wkoll il-proposti biex ikun hemm programmi edukattivi għaż-żgħażagħ biex tiġi indirizzata l-iskills gap b’aktar fondi billi nkomplu niġġieldu t-taxxa Ewropea tas-Soċjalisti Ewropej u l-proposti favur ambjent san u għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

Roselyn Borg Knight qalet li d-differenza kbira fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa qed tħalli impatt negattiv fuq il-familji Maltin u Għawdxin. “Din id-differenza m’għandiex teżisti u kulħadd għandu jitħallas l-istess għall-istess xogħol.” qalet Borg Knight. Hi qalet li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li l-ħaddiema kollha jkollhom kundizzjonijiet tajbin fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll li kull post tax-xogħol ikun sigur. “Anke hawnhekk, jekk xi ħadd mill-familja ma jkunx għal qalbu fuq il-post tax-xogħol, tispiċċa tbati l-familja kollha,” spjegat Roselyn Borg Knight. Żiedet li se taħdem favur xogħolijiet ta’ kwalità u ghalhekk il-PN impenajt li t-taxxa tkun deċiżjoni tal-Maltin biex niġġeneraw impjiegi tajbin.

Peter Agius qal kif Ewropa tista tgħin lil-familji Maltin u Għawdxin, u li l-Ewropa għadna tkun libsa li tiġina tajjeb. Hu spjega kif fost il-valuri ewlenin hemm il-valur tal-familja, tal-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali, tad-dinjità tal-anzjani u tal-ħaddiema. Huwa saħaq li permezz tal-Ewropa rridu stil ta’ ħajja tajba għall-familja tagħna li qed issir aktar diffiċli minħabba stress kawża ta’ raġunijiet varji inkluż it-traffiku. Din l-elezzjoni trid tkun ukoll dwar il-futur ta’ uliedna fosthom bil-programmi edukattivi u l-preparazzjoni tal-ekonomija tagħna, b’ekonomija dejjem tinbidel u b’opportunitajiet ġodda bħar-robotika u l-intelliġenza artifiċjali.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew ukoll il-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħal Balzan Angelo Micallef u l-kandidata għall-elezzjoni lokali fis-Siġġiewi Gillian Farrugia Pace.